B’żieda fil-każijiet tal-Covid-19 u bil-possibilità li wieħed jinqabad fi kwarantina dejjem imdendla, bosta qed isofru impatti negattivi fuq is-saħħa mentali tagħhom.
Il-Psikjatra, Anton Grech stqarr kif huma bosta l-każijiet ta’ persuni li qed isofru minn anzjetà minħabba l-biża’ li għandhom mill-inċertezza li ġġib magħha l-pandemija.
Stqarr li kontra din l-anzjetà l-ikbar arma hija l-vaċċin innifsu. “Fis-sitwazzjoni tal-Covid l-anzjetà tiġi għaliex jista’ jkun li taqbad il-Covid lilek jew lil nies li tħobb ta’ madwarek. Allura jekk inti tnaqqas iċ-ċansijiet b’mod fiżiku u dak li tagħmel il-vaccine. Illi tnaqqas iċ-ċans li taqbdek u jekk taqbdek is-severità ma tkunx daqshekk qawwija. Inti awtomatikament ser tkun qed tnaqqas l-anzjetà tiegħek innifsek.”
Il-Professur Grech stqarr kif minn mindu bdiet il-pandemija, is-severità tal-każijiet ta’ saħħa mentali żdiedet.
Eżempju l-każijiet ta’ dipressjoni u psikożi kienu qed ikunu iżjed severi minn qabel. “Din laħqet qisha ‘peak’ u qisha dan l-aħħar bħala severità ta’ nies li għandhom bżonn jidħlu l-isptar ma żdieditx imma lanqas naqset. Li qed naraw issa li qed taqbad anzjetà lil nies li s’issa qatt ma kienet qabdithom. Mhux anzjetà li jkollok bżonn tidħol l-isptar iżda anzjetà li taffetwalek ħajtek.”
Il-Professur Grech stqarr kif f’dan iż-żmien, fejn kulħadd qed jaffaċċja ammont ta’ stress huwa importanti li wieħed isaħħaħ lilu nnifsu filwaqt li ma jħallix l-istress jaffetwah. “Ngħidulha ‘resilience’ il-mod li ssaħħaħ lilek innifsek u dik iżżidha billi l-ewwel nett tieħu ħsieb tiegħek innifsek fiżikament għaliex int m’għandekx il-moħħ għalih u l-ġisem għalih. Hija l-istess sistema, l-istess ċirkulazzjoni tad-demm, l-istess ossiġnu kollox. Allura li l-irqad ikun tajjeb kemm jista’ jkun, tiekol ikla tajba u tagħmel l-eżerċizzju.”