Iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu huwa l-post li serva bħala x-xena tal-presepju ta’ Charles Callus, presepju miżgħud b’bosta personaġġi mill-Birgu.
ONE News tkellem ma’ Callus fil-belt tal-Birgu, fejn stqarr kif dan il-proġett beda f’Marzu tal-elfejn u għoxrin, u kien l-ewwel presepju li bena f’għoxrin sena.
Huwa spjega kif minbarra persuni magħrufa bħas-Sindku tal-Birgu, hemm ukoll l-għeżież tiegħu, fosthom il-kunjati. Apparti minn hekk huwa poġġa wkoll lil missieru, li kien l-aħħar sajjied fil-Birgu, u anke pastur tiegħu innifsu meta kien żgħir.
Callus stqarr li l-aktar persuni magħrufin mill-Belt Vittorjosa, poġġiehom bħala t-tliet slaten maġi, u jinkludu lil Ġorġ tal-Mużew jew kif inhu magħruf bħala l-Għannej tal-Mulej, u Lorry ta’ Doda, li kien magħruf li kellu qalbu tad-deheb. “Kien bniedem li kien jagħmel ħafna karità, u għalhekk poġġejnih bid-deheb. Ġorġ, li Malta kollha tafu, però ftit jafu li hu mill-Birgu, l-Għannej tal-Mulej. Billi kien iżur ħafna lill-morda, iddeċidejt li npoġġih bil-mirra.”
Charles sostna li minkejja li ilu jaħdem fuq il-presepju għal dawn l-aħħar sena u disa’ xhur u fih dettall spettakolari, dan għadu mhux lest.“Il-prodott għadu mhux finali. Il-prodott ikun finali sena oħra. Nibnu l-Knisja, it-tela’ tax-xatt sal-Vittorja. Però sodisfazzjon li jiġu n-nies u tara l-anzjani joħorġu bid-dmugħ f’għajnejhom għax jaraw xi ħabib tagħhom, tgħid dak li għan li kellek meta ħsibtu dat-tip ta’ presepju, ilħaqtu.”