Tlesta l-proġett massiċċ fejn twaħħal cable ġdid taħt il-baħar li se joffri aktar reżiljenza lis-servizzi tat-telekomunikazzjoni f’Malta.
Dan il-proġett kien ġie mniedi fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela f’Lulju ta’ din is-sena, u huwa t-tielet cable taħt il-baħar, tal-kumpanija GO.
Il-cable ġie mpoġġi metru taħt ir-ramel f’qiegħ il-baħar u kellu tpoġġa matul il-jum tat-Tlieta minħabba li l-maltemp ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ma ppermettiex li dan jitpoġġa qabel.
Fil-bajja t’Għajn Tuffieħa, fejn segwejna l-aħħar fażi tal-operazzjoni, il-manager anzjan fi ħdan GO, Geoffrey Cauchi spjega kif dan il-cable twil ħmistax-il elf kilometru huwa l-ewwel cable tal-GO li m’huwiex ġej mill-Italja.
Huwa qal li dan ifisser servizz aktar reżiljenti għall-pajjiż. “Dan il-cable huwa mportanti ħafna għal Malta għax se jtina rotta veloċi għal Franza u apparti minn hekk huwa l-unika cable li minn Malta jmur dirett f’post differenti mill-cables l-oħrajn kollha li għandna deħlin f’Malta.”
Intant il-manager għal servizzi internazzjonali fi ħdan GO, Patrick Gatt, sostna kif dan il-cable kien bżonnjuż, hekk kif iż-żewġ cables ta’ din ix-xorta tal-kumpanija GO għandhom aktar minn ħmistax-il sena.
Huwa spjega kif dan l-investiment m’huwa xejn ħlief aħbar tajba għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni tal-pajjiż. “Dan ifisser ukoll li anke lin-negozji tagħna, is-servizzi tal-internet jista’ jkun protett b’mod li sa issa l-pajjiż qatt ma kellu. Hawn qiegħdin nagħmlu investiment mhux biss kummerċjali għall-kumpanija, iżda investiment ukoll għall-pajjiż.”