Mahamed Diriye Ayab ta’ sebgħa u għoxrin sena minn Raħal Ġdid, baqa’ jinżamm arrestat wara li ċaħad li ta xeba lil barman b’pajp tal-ħadid.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-Ispettur Paul Camilleri akkuża lill-imputat li darab ħafif lil raġel u li nsulta u li hedded lilu u lil mara oħra f’bar fil-Marsa fost oħrajn.
L-Ispettur Camilleri spjega li l-ġlieda seħħet it-Tnejn filgħaxija u tenna wkoll li allegatament intużat sikkina madankollu din baqgħet ma nstabitx.
Hawn l-imputat permezz tal-avukat tiegħu wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba għal diversi raġunijiet fosthom li l-akkużat ingħata dritt għall-ażil fl-Italja filwaqt li ma kellux rabtiet b’saħħithom ma’ Malta.
Wara li l-Qorti semgħet l-argumentazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-awla hija ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif spjegat li fost oħrajn għad irid jiġu jixhdu xi xhieda.