Il-Kummissjoni Ewropea addottat regolament li jagħmel ċ-ċertifikat tal-vaċċin validu għal disa’ xhur minn mindu tkun ħadt l-ewwel dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Dan ir-regolament mistenni jidħol fis-seħħ fis-27 stat membru sa mill-1 ta’ Frar li ġej.
Rapporti qed jgħidu li hemm biżżejjed appoġġ għal dan ir-regolament biex jgħaddi mill-Parlament Ewropew u f’livell ta’ Kunsill Ewropew.
Preżentament l-Italja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, il-Latvja, Ċipru u l-Awstrija qed jimponu li min jidħol fil-pajjiż jeħtieġ ukoll test negattiv għall-Covid-19, apparti ċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Intqal li ċertu miżuri anki marbuta mal-validità taċ-ċertifikat tal-vaċċin qegħdin hemm quddiem tħassib taż-żieda fir-rata tal-infezzjonijiet minħabba l-varjant Omicron.
Bid-doża tal-booster hu mifhum li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jiġi mġedded.
Fl-Unjoni Ewropea il-vaċċinazzjoni primarja kontra l-Covid-19 tinkludi jew żewġ dożi tal-vaċċin tal-Pfizer, Moderna jew AstraZeneca jew inkella doża waħda tal-Johnson & Johnson.
Ilbieraħ, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini rrakkomandat il-ħames approvazzjoni ta’ vaċċin kontra l-Covid-19.
Il-ħames vaċċin approvat huwa tad-ditta Novavax.