Is-Sodalità San Sebastjan f’Ħal Qormi tellgħet kors għal bosta parruċċani fejn dawn tgħallmu jaħdmu l-presepji tradizzjonali Maltin.
Dan il-kors laqa’ persuni t’etajiet u esperjenzi differenti iżda li kollha kellhom l-istess namra lejn t-tradizzjonijiet Maltin tal-Milied.
ONE News żar waħda mis-sessjonijiet ta’ dan il-kors fejn tkellimna mal-iżgħar parteċipant, tfajjel ta’ disa’ snin li qiegħed jaħdem l-ewwel presepju tiegħu.
Luca Camilleri, spjegalna kif il-presepju li ħadem, fih element Malti.
Il-presepju jinkludi kappella ta’ San Bastjan u s-Salib tad-Dejma.
Qal, “Aħna l-presepji minn dejjem xtaqna nagħmluh, din is-sena ġietni x-xewqa u għamiltu.”
U ċ-ċkejken qalilna f’liema stadju wasal fil-presepju tiegħu.
Spjega, “Inħalluh jinxef u imbagħad intuh it-tieni passata u nerġgħu intuh passata oħra biex ikun sew.”
Il-presepju f’Malta jingħad li ilu li daħal fuq erba’ mitt sena.
Aktarx l-ewwel presepji f’Malta kienu fuq stil Naplitan, bir-Rettur tas-Sodalità San Sebastjan Chris Camilleri, jistqarr li l-presepju u l-Bambin għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-Milied.
Saħaq kif l-għan aħħari tal-kors kien li jkompli jsaħħaħ id-drawwiet Maltin tal-presepji tradizzjonali fid-djar.
Qal, “Bħala għaqda iddeċiedejna li nagħmlu l-kors tal-presepji sabiex, l-ewwel noħolqu attività ta’ fundraising differenti minn tas-soltu u biex kemm jista’ nimbuttaw l-idea tal-presepju, li kulħadd ikollu l-presepju fid-dar tiegħu, ovvjament iċ-ċentru tal-festi tal-Milied.”
L-għaxar parteċipanti fit-tieni edizzjoni ta’ dan il-kors kollha qed jaħdmu fuq l-presepju oriġinali tagħhom li mistennija jitgawdew għall-ewwel darba f’dan il-Milied.