In-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Ottubru żdied bi kważi 20,000 fuq ix-xahar ta’ qabel.
Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li f’Ottubru li għadda, xahar meqjus kwiet għat-turiżmu, żaru lil pajjiżna qrib il-179,000.
Ftit aktar minn 163,500 ruħ minnhom żaru lill-gżejjer Maltin għal btala.
39% tat-turisti li rifsu artna f’Ottubru kienu jgħoddu bejn il-25 u l-44 sena.
34.2% oħra kienu persuni li jgħoddu bejn il-45 u l-64 sena.
Aktar minn kwart tat-turisti, jiġifieri 28.8% kienu Ġermaniżi, Franċiżi u Taljani.
Meta mqabbel ma’ xahar qabel, anki l-ammont ta’ ljieli mqatta’ mit-turisti żdied.
Fil-fatt filwaqt li f’Settembru n-numru ta’ ljieli laħħaq l-1,255,908, f’Ottubru dan n-numru tela’ għal 1,367,188.
Dan ifisser żieda ta’ 111,280 l-lejl li fih it-turisti raqdu f’pajjiżna u naturalment nefqu iżjed.
Fil-fatt meta Ottubru li għadda jitqabbel ma’ Settembru, in-nefqa mit-turisti żdiedet b’aktar minn €6 miljun.
Dan hekk kif in-nefqa mit-turisti f’Ottubru laħqet il-€156.6 miljun.
In-numru ta’ turisti fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena laħħaq is-765,215.
Dan ifisser 21.3% iżjed mis-sena l-oħra.
In-numru ta’ ljieli mqatta’ mit-turisti bejn Jannar u Ottubru li għadda qabeż is-6.7 miljun.
Dan huwa żieda ta’ 40.7% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
In-nefqa tat-turisti bejn Jannar u Ottubru li għadda hi stmata li laħqet is-€723.3 miljun, 68.7% iżjed minn bejn Jannar u Ottubru tas-sena l-oħra.
In-nefqa minn kull turist telgħet minn €680 is-sena l-oħra għal €945.
Fattur importanti għal dan kien li t-turisti li żaru pajjiżna għamlu dan għal iżjed iljieli mis-sena l-oħra.