Ġie mġedded il-ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Federazzjoni Maltija ta’ Organizazzjonijiet għal Persuni b’Diżabilità, l-MFOPD. Dan sabiex tingħata għajnuna finanzjarja lil din il-federazzjoni biex tkun tista’ tassisti lit-33 għaqda li hija membru tagħha u tkompli tkabbar l-għarfien dwar is-settur tad-diżabilità.
Il-Ministeru ser ikun qed iħallas sa massimu ta’ €40,000 kull sena fi spejjez amministrattivi tal-federazzjoni.
Il-President tal-Federazzjoni, Marthese Mugliette stqarret kif din id-deċiżjoni li jkun imġedded dan il-ftehim kienet kruċjali biex l-federazzjoni tkun tista’ tibqa’ taħdem fis-settur tad-diżabilità. “Permezz ta’ dan il-ftehim il-federazzjoni tista’ tibqa’ jkun preżenti kull meta tkun qed tiġi diskussa tema li għandha x’taqsam mas-settur tagħna.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli saħqet kif dan il-ftehim għal darba oħra qed juri kif bħala pajjiż qed nieħdu l-miżuri kollha possibli biex nassistu lil persuni b’diżabilità u b’hekk ħadd ma jaqa’ lura jew ikun żvantaġġjat. “L-MFOPD hija partner strateġiku f’pajjiżna għaliex fiha rridu naraw illi jkun hemm dik l-input il-ħidma li fuq livell anke internazzjonali Malta tkun rappreżentata b’mod tajjeb fejn jidħol is-settur tad-diżabilità.”