Khalid Rami ta’ sebgħa u għoxrin sena mill-Marokk inżamm arrestat wara li wieġeb ħati għal ħamsa u għoxrin akkuża b’rabta ma’ serq minn bosta djar f’Ta’ Sliema u Pembroke.
Huwa mifhum li dawn is-serqiet kienu jsiru bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ filgħodu, u ħallew bosta residenti fiż-żona jgħixu b’ċertu biżà.
Fil-Qorti nstema’ kif is-Sibt li għadda l-Pulizija ssejħu għall-assistenza dwar argument, fejn kien hemm l-imputat. Meta dan ġie arrestat il-Pulizija ndunaw li huwa kien il-persuna nvolut f’diversi serqiet fid-djar li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, wara li dan ħarab miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat ikkopera mal-Pulizija u qal li ma jiftakarx is-serqiet hekk kif kien ikun taħt l-influwenza tad-droga.
L-imputat se jirċievi s-sentenza tiegħu f’Jannar tas-sena d-dieħla.