Enzo Gusman, kantant, xandar, bankier u missier ta’ żewġt ibniet, Johanna u Greta.
Miet fl-età ta’ erbgħa u sebgħin sena, f’daru fil-Kanada, l-art li lejn tmiem is-sebgħinijiet kien emigra lejha sakemm imbagħad reġa’ ġie f’Malta.
It-talenti t’Enzo minn tas-Sliema kien sabhom l-attur komiku Johnny Navarro, li bdieh fir-Redifussion.
Huwa rebaħ il-Malta Song Festival ħames darbiet iżda qatt ma rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision għaliex fis-snin li rebaħ, Malta ma kinitx ipparteċipat.
Anki fuq dan l-istazzjon ONE, sa mill-bidu tiegħu, Enzo kien jagħmel programmi.
Propju martu Carmen sellmet lil żewġha b’filmat minn kanzunetta li Enzo kanta waqt ONE Tribute.
Angela Agius, li ilha tafu erbgħin sena u li min jaf kemm ippreżentat spettakli u programmi ma’ Enzo spjegat ma’ ONE News, l-aħħar darba li kellmet lil Enzo. “Fil-verità, l-aħħar li bagħtli messaġġ kien fit-3 ta’ Diċembru, issa riċenti, ftit tal-ġranet ilu. Kien qed isegwini għax baqa’ jsegwini sal-aħħar nippreżenta l-programmi tat-television u Enzo huwa persuna li jħobb jikkummenta ħafna. U kien bagħtli messaġġ jitkellem fuq kantant Enzo Jannacci u tani ftit informazzjoni waqt li kien qed jitkellem fuq it-television.”
Angela Agius spjegat magħna li dan il-messaġġ se żżommu memorja t’Enzo.
Spjegat li fl-aħħar xhur, Gusman kien għaddej minn żmien diffiċli meta kien rikoverat fi isptar fil-Kanada. “Waħda mit-telefonati kienet ta’ qsim il-qalb għaliex ċempilli mill-isptar. L-isptar kien ftit ’il bogħod mhux ħażin anki mid-dar u allura tal-familja kienu jmorru jżuruh kważi kuljum biex ngħid hekk, pero kif jitilqu tal-familja kien iċempel lil xi ħadd minnha u kien joqgħod jirrakkontali. Jirrakkontali kif għaddiet il-ġurnata, x’se jagħmel, il-ħsibijiet tiegħu.”
Enzo Gusman ħa sehem f’diversi festivals internazzjonali fosthom fil-Ġappun u rebaħ festival minnhom fil-Bulgarija.
Huwa kien iħobb u ta ħajtu għall-mużika Maltija.
Dan is-sajf kien rikonoxxut għal sehmu fl-Għanja tal-Poplu.
Dan kien messaġġ li għadda. “Insellem lil Maltin u Għawdxin kollha, mhux biss ta’ Malta imma madwar id-dinja. Grazzi lill-organizzaturi tal-Għanja tal-Poplu li għoġobhom jonorawni b’dan il-premju.”
Kien jikteb il-kliem u l-mużika tal-kanzunetti tiegħu stess, fosthom it-‘Tijatru’, li biha rebaħ l-Għanja tal-Poplu tal-elf disa’ mija sebgħa u disgħin.
Kanzunetti popolari oħra li kellu kienu bħall-Avukat tal-Karozzin u ‘Fil-Pjazza tar-Raħal’.
Il-versi lejn l-aħħar tal-kanzunetta tal-aħħar imsemmija, illum iħalluna nirriflettu fuq il-memorja ta’ Enzo li għalkemm hu ħalla din id-dinja, il-mużika tiegħu u l-imħabba li kellu għal Malti ma ntemmitx.
Enzo llum flimkien Ġużeppi, Pawlinu u Karmenu, il-karattri tal-kanzunetta ‘Fil-Pjazza tar-Raħal’ hemm inti, qrib il-Ħallieq li tant kont tħobb.
Is-sliem Enzo, Malta tibqa’ tafulek ta’ kemm ferraħt tant in-nies.