Il-President ta’ Malta Dr George Vella ffirma l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis li għaddiet mill-Parlament nhar it-Tlieta li għadda.
ONE News jinsab infurmat li l-liġi mistennija tidħol fis-seħħ illum stess.
Ilbieraħ f’Għawdex il-President kien qed jitkellem f’attività marbuta mas-47 anniversarju ta’ Malta Repubblika u saħaq li skont il-Kostituzzjoni, il-President ma jistax isir dittatur u ma jiffirmax il-liġi li jgħaddu b’mod demokratiku mir-rappreżentanti tal-poplu, fil-Parlament.
Saħaq li bħala President tar-Repubblika huwa għandu jiffirma liġijiet li ma jkollux oġġezzjonijiet gravi għalihom skont il-kuxjenza.
Bil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, li issa fuqha se jsegwu pajjiżi oħra l-qafas legali ta’ Malta, bħall-Ġermanja u l-Lussemburgu, wieħed ma jiġix arrestat jekk ikollu sa seba’ grammi kannabis għall-użu personali tiegħu.
Il-liġi tħares ukoll li wieħed li jikkonsma l-kannabis, jixtri minn swieq legali u għandu anki dritt li jkollu sa erba’ pjanti f’kull dar u d-dritt t’assoċjazzjoni waħda biex ikollu l-prodott tal-kannabis.
Il-liġi tara li tinħoloq awtorità regolatorju fuq dan kollu u ssaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, li jibqa’ punibbli b’ħabs.