Festivals Malta temmet eżerċizzju ta’ rebranding, hekk kif dan ix-xahar jaħbat ir-raba’ anniversarju mindu din l-aġenzija nfirdet mill-Kunsill Malti għall-Arti, u saret entità indipendenti.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju, Annabelle Stivala, Direttur fi ħdan din l-Aġenzija, sostniet kif il-pandemija ġegħlet lill-Aġenzija u l-artisti kollha Maltin iħossuhom aktar skomdi, u għalhekk is-settur għadda minn eżerċizzju ta’ tisħiħ.
Hija qalet li ċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija wrew ir-reżiljenza ta’ dan is-settur. “Però li tgħallimna huwa, tul dal-aħħar tmintax-il xahar huwa li jiġri x’jiġri, xorta hemm relevanza għax-xogħol li tagħmel Festivals Malta. Qlibna ħafna xogħol diġitali, għamilna ħafna xogħol ta’ riċerka, u qed nagħmlu xogħol differenti milli konna nagħmlu qabel.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton qal li jħossu fortunat li seta’ jara x-xogħol siewi ta’ din l-aġenzija mill-viċin mill-elfejn u dsatax.
Sostna li l-futur ta’ Festivals Malta diġà jidher sabiħ, minkejja l-inċertezza li jġib. “Il-futur tal-aġenzija, urejna li diġà qiegħed hemm minkejja l-problemi li għandna minħabba l-pandemija, aħseb u ara meta nistgħu intellgħu dawk l-attivitajiet kollha artistiċi u kulturali li jaqgħu taħt Festivals Malta, jerġgħu jibdew jitrawmu u jitfaċċaw biex igawdihom kulħadd.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera, li ddeskriva dan l-eżerċizzju bħala ċelebrazzjoni tas-suċċessi tal-aġenzija tul is-snin, fosthom ir-riġenerazzjoni tax-xena mużikali lokali permezz tal-festival, Mużika Mużika.