Gennaro Russo ta’ 29 sena minn Napoli u li joqgħod il-Qawra baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar u pusses aggravat ta’ droga u kif ukoll b’ħasil ta’ flus.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello l-Ġimgħa waranofsinhar.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Mark Anthony Merciceca u Justine Grech spjegaw kif wara investigazzjoni, fil-15 ta’ Diċembru l-imputat ġie mwaqqaf u arrestat fin-Naxxar b’mandat t’arrest.
Fil-vettura tat-tip SEAT li kien fiha u anke fuq l-imputat instabu diversi qratas ta’ suspettata droga u € 20,000 flus kuntanti. Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega kif minn hemm il-Pulizija infurmat lill-imputat li se jsirulu tfittxijiet fir-residenza tiegħu u anke f’garage.
Wara dawn it-tfittxijiet u aktar tard fi tfittxija f’garaxx ieħor fl-Imsida, il-Pulizija sabet madwar kilo u nofs kokaina u madwar 15-il kilo kannabis, b’valur fit-triq li jaqbeż l-€450,000. Instabu ukoll €250,000 fi flus kontanti.
Dan flimkien ma’ ammont qawwi ta’ boroż bi traċċi ta’ kannabis. Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li aktar kmieni llum ġiet arrestata t-tfajla tal-imputat u mhux eskluż li jiġu arrestati persuni oħrajn hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Kien hawn li l-Prosekuzzjoni talbet sabiex il-Qorti tiffriża l-assi tal-imputat. Id-difiża oġġezzjonat għal dan madankollu l-Qorti laqgħet din it-talba u ordnat li jiġu ssekwestrati l-flejjes u l-propjetá tal-imputat f’idejn terzi.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Dan għar-raġuni li fuq il-każ hemm inkjesta u l-provi kollha ġew ikkonservati u b’hekk ma hemmx riskju ta’ intralċ tal-provi. Dan filwaqt ukoll li l-imputat għandu fedina penali nadifa u ilu jgħix Malta għal totall ta’ 9 snin filwaqt li għandu familja u rabtiet fil-komunitá.
Hawn id-difiża sostniet l-importanza tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest biex jiġu mħarsa kwalunkwe biżgħat f’każ tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-argumentazzjoni tad-difiża minħabba l-gravitá tal-każ u l-fatt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin. Apparti minn hekk il-Prosekuzzjoni sostniet li għad hemm persuni li jistgħu jiġu arrestati bħalma ġiet arrestata t-tfajla tiegħu aktar kmieni llum.
L-Ispettur Mercieca tenna wkoll li għad hemm xhieda pajżana li trid titla’ tixhed quddiem il-Qorti filwaqt li hemm biża’ li jistgħu jinqerdu xi provi li jista’ jkun għadhom ma nstabux.
Id-difiża hawn madankollu sostniet li ma hemm l-ebda mod li l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin hemm garanzija li jistgħu jkunu allaċċjati mal-imputat.
Il-Qorti wara li semgħet l-argumentazzjoni miż-żewġ naħat tal-awla, ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest.