In-Nutur Peter Falzon, magħruf bħala Pierre, ta’ wieħed u sittin sena minn Ħ’Attard ġie kkundannat sentejn ħabs u kellu l-warrant sospiża għal ħames snin wara li nstab ħati ta’ kompliċità fi frodi, ma’ Peter Agius ta’ wieħed u ħamsin sena min-Naxxar, li ġie kkundannat għoxrin xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin.
In-Nutar Falzon, li spiċċa b’interdizzjoni ġenerali perpetwa, ġie mixli li f’Mejju tal-2009, u fil-granet ta’ qabel, iffalsifika dokumenti pubbliċi u għamel użu minn dokumenti iffalsifikati.
Huwa ġie akkużat ukoll li f’Diċembru tal-2007 għen lil Agius jagħmel qligħ b’dannu għal Geot Developments Limited, mary Violet Mifsud u/jew Ronald Mifsud.
Agius ġie mixli li iffroda lill-imsemmijin kumpanija u persuni, u li għen lin-Nutar Falzon f’dan il-qerq.
Mill-provi li tressqu mill-Prossekuzzjoni quddiem il-Qorti, rriżulta li n-Nutar Falzon ippubblika kuntratt fejn Agius kien biegħ propjetà f’Raħal Ġdid lil Mary Violet Mifsud, f’isem l-imsemmija kumpanija.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qalet li Agius mexa b’ingann fil-konfront tal-kumpanija kif ukoll ta’ Mary Violet Mifsud, meta deher fuq l-att ta’ bejgħ tal-propjetà u ta tagħrif falz dwar il-kapaċità rappreżentattiva tiegħu u tas-setgħa li kellu.
Dwar in-Nutar Falzon, il-Qorti qalet li dan kien kompliċi fil-frodi għaliex għamel dikjarazzjonijiet foloz fil-kuntratt.
Intant, in-Nutar Falzon appella mis-sentenza u għaldaqstant is-sentenza mogħtija għalissa nhux effettiva.