Ġew imħabbra numru ta’ riformi li mill-lum stess ser jibdew isiru fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan wara li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri ppubblika r-rapport tal-inkjesta li saret fuq il-faċilità korrettiva ta’ Kordin. Din l-inkjesta kien ħatarha hu stess f’Awissu li għadda u llum ġiet konkluża. F’konferenza tal-aħbarijiet stqarr kif illum il-Gvern huwa impenjat li jwettaq 32 rakkomandazzjoni li ħarġu mill-inkjesta. Fost dawn hemm il-ħtieġa ta’ aktar checks and balances fis-sistema, miżuri mmirati biex tissaħħaħ il-qagħda psiko-soċjali tal-priġunieri u li titwaqqaf entità indipendenti u imparzjali li tħares il-kura u l-qagħda soċjali tal-priġunieri.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru ħabbar numru ta’ riformi li ser jibdew jitwettqu mil-lum stess. L-ewwel riforma hija t-twaqqif ta’ kummissarju għall-ħarsien u żvilupp tal-priġunieri. Dan ser ikun uffiċju indipendenti li ser ikun responsabbli li jippromovi u jissalvagwardja d-drittijiet tal-priġunieri.
Riforma oħra li ser tidħol fis-seħħ mil-lum stess hija t-tisħiħ tal-Bord tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan filwaqt li fil-Konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ser ikun qed jitwaqqaf Ċentru Rijabilittativ Massimiliano Kolbe. Il-bini ta’ dan iċ-ċentru ġdid huwa wieħed mill-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla. Il-Ministru Camilleri stqarr kif din il-binja ser tkun iffukata fuq ir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri. Huwa stqarr kif bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet ma’ entitajiet non-governattivi li huma interessati li jmexxu dan iċ-ċentru flimkien mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Huwa spjega kif diġà beda x-xogħol ta’ tħaffir fis-sit sabiex fi ftit taż-żmien ieħor ikun jista’ jibda l-bini taċ-ċentru.
Ħabbar ukoll kif ser titwaqqaf ukoll family Room barra l-konfini tal-faċilità korrettiva ta’ kordin sabiex il-priġunieri jiltaqgħu mal-familja tagħhom barra l-bini tal-ħabs. Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll kif ġie iffirmat ftehim mal-Kulleġġ Malti għall-Arti u x-Xjenza, l-MCAST li permezz tiegħu ser ikun hemm edukaturi tal-MCAST li jmorru fil-faċilità u jagħtu tagħlim akkreditat lill-priġunieri fuq snajja differenti. Stqarr kif ser tintuża wkoll it-teknoloġija tal-electronic tagging.
Barra dawn ir-riformi ser ikun hemm tibdil fil-liġi sabiex il-priġunier meta jtemm is-sentenza ma joħroġx mill-ħabs filgħaxija iżda f’nofs il-jum sabiex tkun eħfef biex il-priġunier jagħmel l-ewwel passi tiegħu lura fis-soċjetà.
Il-Ministru Byron Cammilleri stqarr kif il-kummissarju għall-ħarsien u l-iżvilupp tal-priġunieri ser jara li ssir l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta. Implimentazzjoni li hi inkarigata minnhom l-Aġenzija għas-servizzi korrettivi.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Camilleri stqarr kif ftit tal-jiem ilu ġie ppublikat ukoll rapport tal-awditur ġenerali dwar l-aġenzija li tmexxi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-awditur ġenerali jagħmel kummenti partikolari fejn fost l-oħrajn jinnota kif b’kuntrast ma’ snin preċedenti llum il-ħabs huwa iżjed sigur b’sistema iżjed organizzata. Huwa jkompli jtenni kif is-sigurtà hija importanti sabiex l-ambjent ikun wieħed rijabilitattiv.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri stqarr kif wieħed ma jistax ma jħarisx lejn il-punt tat-tluq għall-faċilità korrettiva ta’ Kordin. Huwa kkwota mis-sentenza tal-Qorti ‘Ir-Repubblika ta’ Malta vs Josette Bickle’ li fiha il-Qorti kienet qalet li l-verdett tal-ġurati kien mhux biss kontra Bickle iżda kontra s-sistema li ppermettietha topera b’impunità f’sistema li m’hemm xejn ‘correctional fiha’. Il-Qorti tgħid kif persuna li dak iż-żmien kienet tidħol “clean” kienet f’riskju li toħroġ agħar milli daħlet. Il-Qorti dak iż-żmien kienet qalet kif ma kien hemm l-ebda dubju li kien hemm kollużjoni mal-awtoritajiet sabiex titmexxa d-droga fil-ħabs.
Il-Ministru Camilleri stqarr kif min dak iż-żmien kien parti minn dik is-sistema m’għandu l-ebda kredibbilità jitkellem fuq il-faċilità korrettiva ta’ Kordin.
Fost l-oħrajn l-awditur ġenerali semma it-tisħiħ li sar fil-manutenzjoni u l-infrastruttura tal-faċilità, l-investiment fil-medical intervention room, l-indafa kbira li llum hemm fil-ħabs, l-eradikazzjoni tad-droga u l-investiment kbir li kien hemm fit-titjib tal-faċilità.
Huwa ħabbar ukoll kif Robert Brincau fil-jiem li ġejjin mistenni jsir il-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u mhux iktar l-aġent kap eżekuttiv.