L-ekonomija Maltija mistennija tikber fit-tliet snin li ġejjin, bis-sena d-dieħla mistenni tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ 6.5%.
Dan joħroġ minn rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li rreveda ’l fuq il-previżjonijiet tiegħu għat-tkabbir ekonomiku għal kull sena, sal-2023.
Il-Bank Ċentrali jistma li din is-sena l-ekonomija se tkun kibret b’6% u s-sena d-dieħla l-ekonomija se tikber b’6.5% fost oħrajn.
Ir-reviżjoni ’l fuq fejn jidħol tkabbir ekonomiku għal din is-sena u d-dieħla hija xprunata primarjament minn tkabbir aktar b’saħħtu fl-investiment u l-konsum tal-Gvern, u minn irkupru aktar b’saħħtu fil-konsum privat.
Barra minn hekk, l-esperti tal-Bank Ċentrali nnutaw li l-andament fit-turiżmu hu mistenni li jkun aktar pożittiv din is-sena, milli kien antiċipat qabel.
Ir-rapport jitkellem ukoll fuq is-settur tax-xogħol u jsemmi kif din is-sena dan il-qasam kien wieħed b’saħħtu.
Il-Bank Ċentrali jinnota l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema iżda jingħad li għas-sena d-dieħla hu mistenni li tiżdied ir-rata fit-tkabbir tal-impjiegi, anki minħabba l-fatt taż-żieda fl-attività ekonomika mistennija għas-sena d-dieħla.
Intqal ukoll li din is-sena t-tkabbir ekonomiku kien xprunat mid-domanda domestika filwaqt li l-esportazzjoni netta hija mistennija li tħalli impatt negattiv ferm iżgħar fuq it-tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross meta mqabbel mal-2020, hekk kif id-domanda minn barra qed tirkupra.
“Għas-snin li ġejjin id-domanda domestika hija prevista li tkompli tixpruna t-tkabbir fl-attività ekonomika, speċjalment minħabba tkabbir fil-konsum privat. Fl-istess waqt, il-kontribut tal-esportazzjoni netta huwa mistenni li jsir pożittiv, u dan jirrifletti n-normalizzazzjoni fit-turiżmu u t-tkabbir kontinwu fid-domanda minn barra”, saħaq ir-rapport tal-Bank Ċentrali, li nnota kif l-irkupru ekonomiku f’Malta huwa wieħed li qed jinħass u se jkompli jiġi esperejnzat.
Dwar il-finanzi tal-Gvern intqal li d-defiċit mistenni jonqos u sa sentejn oħra jinżel b’aktar minn żewġ terzi.
Dan apparti li fl-2024, id-dejn tal-Gvern imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross mistenni jilħaq f’livell ta’ 61.1%.
Dan ikun kważi 10% inqas minn dak li kien fl-2011 fi żmien GonziPN, fi kriżi finanzjarja ferm inqas kbira minn dik tal-pandemija.
Bħalissa l-piż tad-dejn ta’ pajjiżna huwa iktar minn tliet darbiet inqas minn pajjiżi oħrajn Ewropej.