Żdiedu mal-lista iżjed atti ġudizzjarji li jistgħu jitressqu online.
Dan hekk kif is-sistema ta’ online filing tal-atti ġudizzjarji ser tkun qed titwessa biex jiżdiedu żewġ kategoriji ġodda fil-Qorti Ċivili; is-sezzjoni tal-familja u s-sezzjoni tal-ġurisdizzjoni volontarja.
Il-Kap Eżekuttiv għas-Servizzi tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini spjegat kif il-ħlas marbut mal-att li jiġi sottomess jista’ jsir online ukoll.
Hja stqarret ukoll kif dawk l-atti li jiġu ppreżentati online waqt il-ħin li r-reġistru jkun magħluq, jiġu pproċessati l-għada.
Grech Fiorini spjegat ukoll kif l-aġenzija ntroduċiet ukoll applikazzjoni online oħra li tista’ tintuża mill-pubbliku ġenerali.
Din tista’ tintuża fl-eventwalità li jinnota li r-Reġistru Elettorali ppubblikat ikun fih informazzjoni skorretta, u għalhekk ikun jista’ jippreżenta rikors biex jinstema’ minn Maġistrat biex ikun jista’ jiġi kkoreġut ir-Reġistru Elettorali.
Wieħed jista’ jaċċessa dawn il-formoli online mis-sit elettroniku ecourts.gov.mt.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis stqarr kif dawn l-emendi ser ikunu qed ikomplu fuq il-passi li diġà saru biex il-ġustizzja f’pajjiżna tkun aktar effiċjenti, effettiva u aċċessibbli.
Il-Ministru qal li “l-idea hi li issa nżidu l-awareness, il-kuxjenza li dawn il-mezzi qiegħdin hemm, li ngħallmu wkoll illi n-nies li jużaw dawn il-mezzi diġitali, għaliex? Għaliex jaqbel liċ-ċittadin u l-ġustizzja għandha mhux iċ-ċittadin iservi lill-ġustizzja pero l-ġustizzja trid tkun għas-servizz ta’ kull Malti u Għawdxi.”