Aidan Bartolo nħeles mill-arrest hekk kif bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni t’evidenza kontrih u li fiha ntqal li l-Pulizija sparat mal-ħamsin tir meta dan allegatament saq għal fuqhom.
Il-każ huwa marbuta ma’ rejd li kien se jsir fuq Bartolo fil-Mellieħa fuq suspett ta’ traffikar tad-droga.
Bartolo qiegħed jiġi akkużat li pprova joqtol sitt pulizija, hekk kif meta dawn ippruvaw iwaqqfuh, allegatament baqa’ jsuq għal fuqhom.
Bartolo daħal fil-Qorti bil-krozzi, hekk kif ġie milqut minn tir tal-Pulizija f’siequ, wara li dawn bdew jisparaw lejn it-tyres.
Meta d-Difiża staqsiet dwar il-bżonn ta’ numru kbir ta’ tiri sparati, il-Prosekuzzjoni rrimarkat li l-Pulizija involuti kellhom ħajjithom f’riskju minħabba li Bartolo saq għal fuqhom b’ċertu veloċità.
Intqal ukoll li waqt li kien mistoħbi, l-akkużat qal lit-tfajla tiegħu biex tgħaddi informazzjoni marbuta mal-post fejn kien jinsab lill-Pulizija.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba li fadal xhieda li jridu jixhdu.
Il-Qorti aċċettat it-talba tad-Difiża, u Bartolo nħeles fuq depożitu ta’ ħamest elef ewro u garanzija personali t’erbgħin elf ewro.
Huwa jrid jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.