Madwar tliet mitt Pulizija issa huma mħarrġa jgħinu minnufih vittmi ta’ daqqiet ta’ sikkina jew nies feruti b’xi tir.
Dan sakemm jasal tim mediku li jagħti l-għajnuna lill-ferut.
Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija qal li t-taħriġ li sar kien iffinanzjat minn fondi Ewropej u jagħmel parti mill-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp.
It-taħriġ sar mill-Malta Cadet Corps u apparti dan inxtraw kits speċjalizzati magħrufa bħala IFAK, li fihom materjal essenzjali iddisinjat biex ikopru feriti serji.
Dawn il-kits faċilment jistgħu jinġarru fil-vetturi tas-servizz kif ukoll fuq il-Pulizija.
Etienne Micallef mill-Malta Cadet Corps spjega l-importanza ta’ dan it-taħriġ speċjalizzat filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li qatt daqs illum, il-Korp tal-Pulizija qiegħed jagħti importanza fl-ewwel għajnuna.
Ritratti: CMRU