Erba’ passiġġieri li kienu sejrin Dubaj, it-Turkija, l-Olanda u l-Iraq instabu jġorru total ta’ €71,375 fi flus mhux iddikjarati minn uffiċjali tad-Dwana.
Żewġ passiġġieri Maltin li kienu sejrin Dubaj u t-Turkija kienu qed iġorru €33,200 u €17,400 rispettivament.
Il-passiġġier li kien sejjer Dubaj ġie mistoqsi jekk hux qed iġorr xi flus fuqu, meta Gypsy, il-kelb tad-Dwana, indika li kellu l-flus fuqu. Il-passiġġier wieġeb li kellu €10,000 imma minn spezzjonijiet li sarulu rriżulta li kellu fuqu €18,200 u €15,000 oħra fil-bagalja.
€10,000 minnhom ingħataw lura lill-passiġġier filwaqt li l-kumplament inżammu hekk kif mitlub mil-liġi. Ir-raġel inżamm taħt arrest mill-Pulizija.
Waqt spezzjonijiet oħra li saru, instab passiġġier ieħor Malti li kien qed iġorr €17,400, filwaqt li passiġġier Olandiż kellu fuqu €10,345 mhux iddikjarati.
€10,430 oħra ġew interċettati mill-kelb tad-Dwana, Charlie, fuq passiġġier Sirjan li kien sejjer l-Iraq.
Il-Malti, is-Sirjan u l-Olandiż laħqu qbil barra mill-Qorti u ġew immultati.