Il-mexxejja Ewropej mistennija jwissu lir-Russja li azzjoni ostili kontra l-Ukrajna tista’ tħalli konsegwenzi serji, fost tħassib dwar l-azzjonijiet tal-forzi Russi fuq il-fruntiera mal-Ukrajna.
Il-messaġġ għandu jiġi maqbul fis-summit tal-Kunsill Ewropew li qed isir fi Brussell u se jkun l-aħħar twissija mill-Punent kontra l-aggressjoni Russa.
Il-Kremlin ċaħdet kull pjan t’attakk.
Sadanittant, ir-Russja stabilixxiet it-talbiet tagħha dwar garanziji ta’ sigurtà lill-Istati Uniti.
Is-servizzi tal-intelliġenza tal-Punent jemmnu li mal-mitt elf truppi Russi jinsabu viċin il-fruntieri mal-Ukrajna.
L-awtoritajiet Ukreni qalu li Moska jista’ jkun li qed tippjana offensiva militari għall-aħħar ta’ Jannar, minkejja li uffiċjali Amerikani qalu li għadu mhux ċar jekk il-President Putin għamilx deċiżjoni dwar dan.
L-Erbgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lir-Russja biex twaqqaf dawn it-tensjonijiet.