Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura nieda inizjattiva li ser tara l-parit tas-sajjieda li jkun intilef, jiġi rkuprat minn qiegħ il-baħar.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Bjorn Callus spjega kif is-sajjieda ser ikunu jistgħu jinnotifikaw lid-Dipartiment permezz ta’ Freephone apposta.
“Is-sajjieda ħa jkunu jistgħu, min jintilflu xi rkaptu, jirrapporta fuq freephone li ser ikun magħmul apposta mid-Dipartiment, fejn jingħataw il-co-ordinates, is-sajjied ovvjament ikun jafhom, ta’ fejn intilef l-irkaptu. Aħna min-naħa tagħna nibdew nieħdu l-passi anke mal-kuntrattur li għandna sabiex nirkupraw dak l-irkaptu.”
Meta jiġi rkuprat li jingħata lid-Dipartiment imbagħad jerġa’ jingħata lis-sajjied jew inkella jekk ma jkunx fi stat li jerġa’ jintuża, jiġi riċiklat f’impjant tar-riċiklar.
F’konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għas-Sajd Anton Refalo intqal kif is-sajjieda normalment jitilfu dan it-tagħmir waqt li jkunu qegħdin jistadu fl-ibħra Maltin minħabba li jinqabdilhom mal-blat jew strutturi magħmulin mill-umani.
It-tagħmir jista’ jintilef ukoll minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.
It-tagħmir tas-sajd mitluf isir nassa għall-ħut u kreaturi tal-baħar.
Apparti l-fatt li jagħmlu ħsara sostanzjali ukoll l-post li jgħixu fih.
Il-Ministru Refalo stqarr kif din l-inizjattiva ser tkun qed tipproteġi mhux biss lis-sajjieda u l-għodda tagħhom iżda wkoll il-bijodiversità tal-ibħra tagħna.
“Din l-inizattiva tal-lum hija verament għal qalbi għaliex qiegħdin aħna nagħtu protezzjoni aktar lill-ekosistemi tagħna u nħarsu l-ibħra ta’ madwarna.”