L-Ewro-Parlamentari Laburista Malti Alex Agius Saliba nħatar Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.
Huwa nħatar b’vot qawwi ta’ 85%.
Dr Alex Agius Saliba se jkun wieħed minn disa’ Viċi Presidenti eletti tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi wara votazzjoni li saret fi Strasburgu.
Alex Agius Saliba se jingħaqad mal-Ewro Parlamentari Spanjola Iratxe Garcia Perez, li tmexxi l-Grupp fil-Parlament Ewropew u se tmexxi lis-Soċjalisti u d-Demokratiċi għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss.
Agius Saliba qal li huwa kburi bil-fiduċja mogħtija lilu mill-kollegi tiegħu.
Fuq twitter, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela feraħ lil Agius Saliba u qal li l-vot lejn Agius Saliba jfisser fiduċja anki fil-Partit Laburista u l-ideal li jirrappreżenta.
Intant bħala wieħed mid-disa’ Viċi Presidenti, huwa se jkun parti mill-Bureau li jikkoordina l-attività politika tal-Grupp.
F’kumment ftit wara li ġie elett, Dr Agius Saliba qal li jinsab onorat li wara biss sentejn u nofs bħala Membru tal-Parlament Ewropew ġie magħżul għal kariga politika importanti bħal din.
Bħala l-iżgħar Viċi President tas-Soċjalisti, Agius Saliba fisser li l-elezzjoni tiegħu tfisser appoġġ għall-viżjoni t’Ewropa progressiva u sostenibbli.
Agius Saliba qal li waqt li ser ikun qed jirrappreżenta lill-Grupp, se jżomm f’qalbu wkoll l-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin li eleġġewh fil-Parlament Ewropew u se jkompli jippromwovi l-valuri ta’ Malta.
“Din mhijiex rebħa biss għalija imma hija wkoll rebħa għall-Gvern Laburista, hija wkoll rebħa għad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, hija turija wkoll ċara illi r-riformi li qed immexxu ’l quddiem bħala Gvern, it-tibdiliet illi qegħdin nagħmlu, qegħdin jiġu wkoll aċċettati, qegħdin ukoll jiġu magħrufa u rispettati wkoll fuq livell Ewropew.”
Intant b’rabta ma’ din il-ħatra importanti rreaġixxa l-Prim Ministru Robert Abela.