Mill-1 ta’ Jannar ser jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar kif titmexxa ċ-Children’s House.
Dan wara li ġiet identifikata dar f’Santa Venera li minnha tfal li jkollhom jixhdu fi proċeduri legali jistgħu jagħmlu dan lil hinn mill-ambjent tal-Qrati.
Il-Ministru għall-Familja u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon stqarr kif dan ser ikun pass li jevita li t-tfal ikunu ttrawmatizzati minħabba l-irwol li jkollhom fi proċess ġudizjarju wara li huma stess ikunu vittma jew sofrew minn reat.
Huwa saħaq, “Illum ilħaqna biex ngħid hekk tragward ieħor, f’pajjiżna introduċejna, fil-prattika issa mill-ewwel ta’ Jannar illi ġej, il-kunċett ta’ children’s house li l-interess tiegħu huwa dejjem illi t-tfal ikunu qed ngħinuhom anke f’mumenti diffiċli bħal meta jiġu biex jagħtu x-xhieda tagħhom. Dan huwa pass fost ħafna li għamilna f’dawn l-aħħar snin u huwa wkoll eżempju ta’ kif aħna nemmnu u nibqgħu nġorru fuq quddiem nett il-ġustizzja soċjali.”
F’konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar kif ser titmexxa ċ-Childrens’ House f’pajjiżna.
Dan fi preżentazzjoni mill-avukat Andy Ellul, li ħa ħsieb it-tfassil tar-regolamenti.
Fost l-oħrajn huwa spjega kif ir-regolamentazzjoni tipprovdi wkoll il-mod ta’ kif it-tfal għandhom ikunu milqugħa fid-dar filwaqt li x-xhieda għandha tittieħed minn esperti forensiċi sabiex n-norma ssir li fejn hu possibbli, it-tfal ikollhom għalfejn jixhdu darba biss.
Spjega wkoll kif wara l-intervista li ssir lil minuri, dan ikun suġġet għall-assessjar psikoloġiku sabiex jekk ikun hemm bżonn, il-minuri jingħata l-għajnuna neċessarja.
Dan mingħajr il-bżonn ta’ kunsens jekk l-akkużat fil-proċeduri ikun ġenitur jew gwardjan legali tal-minuri.
Ser ikunu offruti wkoll servizi terapewtiċi lill-membri tal-familja tat-tfal.
Ellul spjega wkoll kif ir-regolamenti jieħdu ħsieb li jippreservaw l-integrità tal-proċess ġudizzjarju. “Dan il-mudell ħa jassigura d-due process of law għaliex hemm sistema, hemm regoli issa ta’ kif tinġabar ix-xhieda, ta’ kif tiġi miżmuma u ta’ kif tiġi distrutta u allura l-partijiet kollha ħa jkollhom assigurazzjoni li ħa jkun hemm proċess ta’ fair trial.”