Il-midja internazzjonali rrappurtat bi prominenza l-liġi li għaddiet mill-Parlament Malti dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Il-BBC, bit-titlu Malta saret l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea biex tilleġiżla favur l-użu responsabbli tal-kannabis, irrimarkat li wara Malta, mistennija jsegwu bosta pajjiżi Ewropej oħra fosthom il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera fost oħrajn.
Dan anki wara li s-sena l-oħra l-Ġnus Magħquda rrikonoxxiet li l-kannabis tista’ tintuża anki għat-terapija.
Il-BBC ukoll irrappurtat l-inkonsistenza u l-konfużjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li l-ewwel tkellem favur il-liġi u imbagħad ivvota kontriha.
Il-midja Amerikana permezz tas-CNN kwotat lill-Ministru Owen Bonnici li ressaq il-liġi.
Dr Bonnici ġie rappurtat jgħid fuq is-CNN li l-Gvern huwa l-forza li jagħmel it-tibdiliet meħtieġa.
Is-CNN ukoll semmiet pajjiżi Ewropej li mistennija jimxu fuq l-eżempju ta’ Malta.
Politico fakkret kif Malta kienet diġà lleġiżlat favur l-użu tal-kannabis għal skop mediċinali u kif huwa l-Partit Laburista fil-Gvern li vvota b’mod magħqud favur il-liġi fuq l-użu responsabbli tal-kannabis.
Reuters, b’numru ta’ ritratti barra l-Parlament ta’ nies jifirħu li għaddiet il-liġi, irrappurtat il-pożizzjoni tal-Gvern Malti, li tgħid li din il-liġi se tiġġieled b’aktar qilla l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga anki billi dawk li jixtru l-kannabis għal skop personali, jagħmlu dan minn suq legali.
Il-Euronews fost midja oħra semmew ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, li Gvern immexxi minnu daħħal din il-liġi li oħrajn se jsegwu u se jdaħħlu bħalha.