Post li qabel kien mitluq fiċ-ċentru ta’ matul il-jum fl-Imtarfa nbidel fi spazju miftuħ għal persuni b’diżabilità.
Dan il-proġett ġie kkumplimentat minn proġett ieħor ta’ parkeġġ fl-istess ċentru, li sar b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u Infrastruttura Malta.
L-investiment ra parti minn dan il-belveder fejn hemm il-bankijiet tiġi msaqqfa biex issa persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ rilassament u jgawdu l-veduta tal-Imdina.
Bħala parti mill-istess proġett, tpoġġa apparat ġdid u modern għall-eżerċizzju fiżiku, li jinkludi magni għall-mixi, roti u magna għall-parti ta’ fuq tal-ġisem li tista’ tintuża wkoll minn persuni b’diżabilità li jużaw is-siġġu tar-roti.
Dan l-apparat ġie kollu ċċertifikat u ttestjat biex ikun sigur.
Tranġat ukoll l-art u ġiet mgħottija b’turf sintetiku u twapet protettivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni b’diżabilità.
L-Aġenzija tal-Gvern, Infrastruttura Malta ħadet ħsieb il-parti tal-parkeġġ fejn issaħħew il-pedamenti u nkesa bl-asfast. Dan ix-xogħol qed jagħti aċċess aħjar għall-mixi fl-istess waqt li saru kurduni mas-siġar biex jagħtu dehra isbaħ lill-ambjent tal-madwar.
Il-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li dan il-proġett huwa xhieda ta’ kemm l-impenn ta’ Infrastruttura Malta tissarraf ta’ ġid kemm fi proġetti kbar imma wkoll żgħar u fil-komunità.
“L-infrastruttura mhix biss it-toroq imma wkoll bħala Ministeru, permezz ta’ Infrastruttura Malta jew b’entitajiet oħra, nassistu Ministeru jew entitajiet Governattivi oħrajn fil-ħidma tagħhom, f’dan il-każ mal-kollega Ministru Julia Farrugia Portelli, tajna l-għajnuna biex il-komunità u n-nies li jiġu hawnhekk ikollhom infrastruttura aħjar u iktar sigura.”
Minn dan il-proġett, li sar b’investiment ta’ erbgħin elf ewro, se jgawdu madwar disgħin persuna b’diżabilità, u l-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli qalet li dan se jagħtihom ċans jirrilassaw u jagħmlu eżerċizzju fiżiku filwaqt li jgawdu ambjent mill-isbaħ.
“Jiena nara din il-kollaborazzjoni li kellna id f’id ma’ Infrastruttura Malta bħala proġett tanġibbli li qed ngħinu mhux biss id-disgħin persuna b’diżabilità li jagħmlu użu miċ-ċentru tas-sapport fl-Imtarfa imma wkoll lil mijiet ta’ persuni b’diżabilità oħra li jattendu f’ċentri oħra.”