Reno Calleja, Jane Marshall u Norman Hamilton.
Tliet personalitajiet Maltin li żgur kulħadd jafhom.
Persuni li ġejjin minn oqsma differenti u li ħallew il-marka unika tagħhom f’pajjiżna.
Għal dan, l-Istat Malti onorahom bl-ogħla unuri fl-investitura ta’ Jum ir-Repubblika.
L-eks Ministru Laburista Reno Calleja ddekorat bl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, żgur li se jibqa’ magħruf għal ħidmietu fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina, ħidma li għadu jwettaqha sal-ġurnata tal-lum.
Ma’ ONE News huwa rrakkonta kif inbidlet Malta tul iż-żminijiet u kif iċ-Ċiniżi kellha parti minn dan.
Qal, “Mistoqsija li staqsijieli l-Prim Ministru Ċiniż, qalli Reno għaliex tħobb liċ-Ċina daqsekk? Għidtlu għax inħobb lil pajjiżi iżjed. Dawn dejjem għenuna, jien mort iċ-Ċina 56 darba u kull darba li nmur jistmawni għaliex? Għax jafu li aħna ġenwini. Illi inti tiġi rikonoxxut mill-istat huwa messaġġ għaż-żgħażagħ biex jaħdmu għall-pajjiż.”
Jane Marshall, wiċċ sinonimu mat-teatru Malti tgħid kif il-karriera tagħha bħala attriċi bdiet minn età żgħira, filwaqt li spjegat kif il-pandemija ħalliet effett fuqha.
Jane ngħatat il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Qalet, “Kont għadni s-Sekondarja meta ltqajt ma’ Albert u minn hemmek il-karriera tiegħi ħadet spinta u ma ħaristx lura. L-Amore propju għat-teatru u televiżjoni li jien dejjem kont ngħid li ma tgħix mingħajr teatru, waqt il-pandemija marritli dik il-ħajra u dik hija biża kbira li jiġrilek xi ħaġa hekk.”
Determinata li issa reġgħet bdiet tagħmel dak li tħobb, Jane qaltilna li hi u żewġha Albert Marshall huma l-ewwel koppja Maltija li t-tnejn li huma ġew dekorati b’dan l-unur.
ONE News iltaqa’ imbagħad ma’ Norman Hamilton, li tul ħajtu ħadem u għadu jaħdem fix-xandir, id-diplomazija u anke fis-settur tal-ivvjaġġar.
Bil-midalja ta’ Membru Onorarju ġa sabet posta f’daru, Hamilton qasam magħna l-mument li fih ix-xandir għamel pass ’il quddiem u li hu kellu parti importanti f’dan kollu.
Spjega, “Milestones fil-karriera tiegħi nista’ ngħid li kont jien li ftaħt il-waranofshinar fil-televiżjoni f’Malta għax qabel kien hemm mis-sitta sa nofs il-lejl biss… żminijiet mhux sbieħ elettorali ddeċidew li ma kienx hemm bżonni aktar fix-xandir u hemmek isseħibt mas-Super One 1992 fejn qattajt 22 sena tal-karrier tiegħi, sia radju u sia televiżjoni.”