Fil-jum li fil-Parlament għandha tgħaddi l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, l-eks Prim Ministru u eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi tefa’ pressjoni fuq il-Kap Bernard Grech, biex meta jkollu l-poter f’idu, ineħħi l-liġi.
Gonzi, li fl-aħħar xhur u ġimgħat sar aktar attiv fl-arena politika, kiteb fuq facebook kontra l-liġi li l-partit li kien imexxi hu, l-ewwel għamel żmien bla pożizzjoni, imbagħad ħareġ kontra wara biss li Bernard Grech kien tkellem favur il-liġi u saħansitra qal li l-Gvern ikkupjalu l-liġi.
Gonzi ddetta lill-Partit Nazzjonalista attwali u talab biex immedjatament meta dan ikollu l-poter, ineħħi din il-liġi.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Gonzi ġiet wara li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinsab f’konfużjoni sħiħa dwar liġi li firdet lill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt sa 24 siegħa qabel tkellem Gonzi, il-Partit Nazzjonalista kien skomdu jwieġeb u ma kienx jaf x’jagħmel bil-liġi, meta jkun fil-Gvern.
Konferma ta’ dan hija kif aġixxa l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, li fuq ix-xandir nazzjonali, it-Tnejn filgħodu meta kien qed jiddibatti mal-Ministru Owen Bonnici, baqa’ ma qalx x’jagħmel Gvern Nazzjonalista futur bil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Bonnici staqsa, “David, jekk inthom tiġu eletti fil-Gvern wara l-elezzjoni li jmiss, għax għadha mhux ċara f’moħħi din, intom il-liġi żżomuha jew tneħħuha?, b’Agius jirrisponfi lura, “Nista’ nwieġbu għax issa sar ġurnalist ukoll Owen? Nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna, m’għandniex għalfejn nagħġlu”