Jum ir-Repubblika kien l-ewwel pass għal ħelsien mill-bażijiet Ingliżi minn pajjiżna.
Dan sostnieh l-eks Deputat Laburista u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Joe Brincat li spjega li meta pajjiżna kiseb l-Indipendenza, pajjiżna kellu kostituzzjoni li biha l-Ingliżi setgħu jużaw it-territorju Malti.
“Bil-kisba tar-Repubblika, Malta waslet pass eqreb lejn il-ħelsien tagħha”, sostna Joe Brincat li kien deputat fil-leġiżlatura li fiha kellna l-kisba Kostituzzjonali tar-Repubblika.
Brincat tenna, “Qabel kellna Kostituzzjoni illi l-Ingliżi, għalkemm kellna l-Indipendenza, jekk ikollhom bżonn jistgħu jużaw il-bażijiet u territorju kollu Malti. Dak spiċċa mhux mar-Repubblika, iżda r-Repubblika kienet it-tieni pass.”
Fl-intervista magħna, l-Avukat Brincat innota l-ewwel persuna li semma l-idea ta’ Repubblika. “Jiena naħseb illi meta nitkellmu fuq ir-Repubblika, ninsew l-ewwel wieħed li tkellem fuqha, Manwel Dimech. Għax kien Manwel Dimech li żergħa l-idea illi m’għandniex noqogħdu taħt l-Ingliżi u nkunu Repubblika għalina.”
Għaddew diversi deċenji u l-Partit Laburista fis-sebgħinijiet kellu dan il-ħsieb.
Dan wara li pajjiżna kiseb l-Indipendenza u kif tela’ Gvern Laburista fl-elf disa’ mija wieħed u sebgħin beda jirrevedi t-Trattat ta’ Difiża.
Dan fisser li Malta se tkun ħielsa minn kull involviment tal-barrani.
L-Avukat Brincat spjega magħna kif dwar ir-Repubblika, kien hemm kwistjoni jekk il-vot fil-Parlament kellux jgħaddi b’maġġoranza sempliċi jew b’żewġ terzi. “Kelli nitkellem fil-Konferenza Ġenerali, għax konna qed ngħaddu mozzjoni. Għedt isma’ jidher li mhux biss argument politiku għandna, imma anke legali. Għax l-Artiklu 6 m’għandux bżonn iż-żewġ terzi tal-maġġoranza biex jinbidel u minn dak il-punt ’il quddiem, kien hemm ħaddieħor ukoll illi kien wasal għall-istess konkluzjoni.”
Finalment xi deputati Nazzjonalisti mill-Grupp Parlamentari ta’ George Borg Olivier kienu vvutaw mal-Gvern ta’ Mintoff iżda deputati Nazzjonalisti oħra kienu vvutaw kontra li Malta ssir Repubblika u b’hekk riedu lir-Reġina tar-Renju Unit tibqa’ l-Kap tal-Istat Malti.
Meta staqsejna lill-Avukat Brincat dwar iċ-ċelebrazzjonijiet, huwa qal magħna hekk. “Kienu spontanji, kienu spontanji u kienet xita warrab wiċċek. Jiġifieri tippretendiex illi kien hemm kwantità ta’ nies.”
Dr Brincat temm ifakkar li l-figura ċentrali tar-Repubblika kien Sir Anthony Mamo, eks Prim Imħallef, eks Gvernatur Ġenerali u l-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta.