Xjentisti mid-Dipartiment tal-Ġeo-Xjenza fi ħdan l-Università ta’ Malta sabu skoperta mhux tas-soltu qrib il-kosta ta’ Marsaskala.
Dan hekk kif skoprew numru kbir ta’ mniezel li huma wesgħin madwar għoxrin metru u twal ħames metri kull wieħed.
Fil-fatt dawn jgħoddu madwar elf u ħames mija u dwarhom stħarriġna aktar mal-Professur Aaron Micallef mid-Dipartiment tal-Ġeo-Xjenza.
Micallef tenna, “Immaġina għandek żona kbira daqs nofs Għawdex b’fond ta’ 60m sa 120m bejn Marsaskala sa kważi Delimara u hemmhekk sibna kważi 1,700 mound, immaġinaw qisa għolja, madwar 20 metru wiesgħa u 5 metri għoli.”
Il-Professur spjega kif dawn l-imniezel qed jimtlew b’diversi speċi ta’ qroll. “Fuqhom terġa’ għall-inqas fuq dak li rajna hemm ħafna coral, Gorgonians u hemm ħafna tip ta’ ħajja li ma stennejniex li se nsibu f’dan it-tip ta’ fond.”
Il-Professur qal li jista’ jagħti l-każ li dawn l-imniezel sabu posthom hemm bil-mewġ għaliex snin ilu, il-livell tal-baħar kien għadu aktar baxx.
Hawnhekk staqsejnieh dwar l-istat ta’ protezzjoni ta’ din it-tip ta’ sejba rari qrib il-kosta Maltija.
Bil-Professur Micallef iwieġeb, “L-ammont ta’ ħajja li sibna li ħafna minnhom huma protetti minn liġijiet internazzjonali naħseb ikun il-każ li aħna nipproteġu din iż-żona minn ħsara li tista’ ssir fil-futur.”