Is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami akkużat lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Hija qalet dan fi stqarrija hekk kif spjegat li se tkun qed tibqa’ Sindku tan-Naxxar.
L-istqarrija minn Muscat Fenech Adami waslet ftit sigħat biss wara li l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fejn jgħid li talabha tirriżenja minħabba kunflitt ta’ interess mhux dikjarat.
Dan l-allegat kunflitt ta’ interess jinvolvi proġett ta’ żewġ torrijiet ta’ 10 sulari u 8 sulari rispettivament f’dak li kien il-parkeġġ tat-trade fair fin-Naxxar.
Minkejja li l-Kunsill tan-Naxxar sa ftit ġimgħat ilu kien qal li kien kontra dan il-proġett, Muscat Fenech Adami vvutat favurih. Dan mingħajr ma allegatament iddikjarat kunflitt ta’ interess hekk kif hija segretarja fi ħdan il-kumpanija Chalet Bulgari, li wieħed mis-sidien tagħha huwa l-Perit Edwin Mintoff.
L-istess perit responsabbli għall-imsemmi proġett fin-Naxxar.
Quddiem it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex tirriżenja, is-Sindku tan-Naxxar spjegat li hija dejjem ġabet l-ewwel l-interessi tal-lokalità u r-residenti.
Spjegat ukoll li hija m’għandha l-ebda rabta kuntrattwali mal-Perit Edwin Mintoff u b’hekk qalet li temmen li kemm fuq livell personali u anke politiku, mxiet bi trasparenza u b’etika politika.
Hija temmet l-istqarrija tagħha li għandha tkompli bil-ħidma tagħha skont il-mandat li tawha n-Naxxarin. Liema mandat, is-Sindku Naxxarija tgħid li m’għandux ikun imminat bl-ebda logħob politiku aktar u aktar meta mhux ibbażat fuq fatti.
Il-ġlied kompla jintensifika ftit wara li Muscat Fenech Adami ħarġet bl-istqarrija tagħha hekk kif il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li issa se tibda investigazzjoni fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit.
Din mhux l-ewwel darba li taħt it-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jiġi espost ġlied bejn it-tmexxija tal-Partit u l-esponenti tiegħu.
Dan deher biċ-ċar anke mir-riżenji ta’ numru ta’ kandidati nazzjonalisti fosthom George Muscat u Tiffany Abela Wadge.
Muscat li kien ħiereġ fuq is-sitt distrett u wkoll huwa kunsillier f’Ħal Qormi kien żvela kif il-Partit Nazzjonalista qed jiċċensura l-kandidati tiegħu. Dan hekk kif anke kienu ċċensuraw lilu meta faħħar is-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex.