F’ġurnata mill-isbaħ madankollu b’kesħa fina li xxoqq l-għadam, f’jum ir-Repubblika bosta rħewlha lejn il-belt kapitali biex jixtru ftit mir-rigali tal-Milied.
Fit-toroq tal-Belt spikkaw in-nies bil-basktijiet f’idhom, jduru u jaraw x’se jixtru għalihom u kif ukoll għal ħaddieħor.
Staqsejna lin-nies li dlonk weġbuna kif ħadu l-okkażjoni biex f’jum ta’ festa pubblika jibdew jaħsbu għar-rigali tal-Milied.
ONE News dahar ukoll xi ħwienet ġewwa l-Belt u nnota kif in-negozji reġgħu ħadu l-ħajja bl-ammont ta’ nies li bdew deħlin u ħerġin.
Dan fil-fatt sotnietu wkoll ftit tal-jiem ilu l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fejn tenniet li l-maġġoranza tan-negozji jemmnu li l-andament tal-bejgħ ta’ żmien il-Milied se jkun aħjar minn tas-sena l-oħra.
Dan qalitu fi sfond ta’ studju li wettqet fost in-negozji li wera wkoll kif ix-xahar ta’ Novembru kien wieħed pożittiv għall-bejjiegħa tal-ħwienet. Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li bħala medja, in-negozji f’din is-sena mqabbla mas-sena l-oħra, żiedu l-bejgħ tagħhom bi 30%.
F’dan l-isfond tkellimna ma’ diversi negozjanti u sidien tal-ħwienet li kollha rrimarkaw andament pożittiv ta’ bejgħ fi żmien il-festi.