Fl-Ingilterra, id-dożi tal-booster se jibdew jiġu ofruti lil kull minn għandu 18-il sena jew aktar minn din il-ġimgħa. Dan hekk kif ilbieraħ filgħaxija l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson iddikjara emerġenza minħabba l-varjant il-ġdid Omicron.
Fil-fatt fl-Ingilterra issa ġiet stabbilita mira ġdida biex tingħata l-booster lill-adulti kollha li jridu jeħduha sal-aħħar tas-sena.
Johnson tenna li l-Ingilterra se tkun qed taffaċja mewġa ta’ infezzjonijiet oħra kawża tal-Omicron.
Intant, sabiex tintleħaq din il-mira fl-Ingilterra, se jiġu posposti ċertu appuntamenti fil-qasam tas-saħħa, biex il-ħaddiema minflok ikunu ffukati li jagħtu d-dożi addizzjonali.
Mil-lum ħaddiema li jistgħu jaħdmu b’mod rimot fl-Ingilterra qed jerġgħu jibdew jaħdmu mid-dar, bit-tama li tonqos ir-rata ta’ infezzjonijiet bil-COVID-19.