Fi żmien il-festi, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, qiegħda tirċievi mat-tliet mitt email kull jumejn marbuta ma’ mistoqsijiet dwar avvenimenti, u kemm ilu miftuħ l-uffiċċju marbut mal-avvenimenti waqt il-pandemija, dan irċieva mal-ħames elef email.
ONE News tkellem ma’ Josef Baldacchino, uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Liċenzjar fl-MTA, li spjega kif aktar minn tmenin fil-mija tal-applikazzjonijiet tal-avvenimenti ġew approvati.
Huwa qal l il-proċess tal-applikazzjoni jista jsir b’mod remot minn fuq il-website tal-MTA, u għalhekk kien hemm bżonn bosta ħaddiema biex ilaħħqu mad-domanda.
Qal, “Kemm id-Dipartiment tagħna hawn ġewwa Smart City kif ukoll it-tim t’Għawdex naħdmu u nikkollaboraw ħafna flimkien nassessjaw l-applikazzjonijiet kemm jista’ jkun malajr. Ovvjament wieħed irid jifhem li impossibbli dak li jkun nagħtuh risposta mil-lum għal għada imma nippruvaw kemm jista’ jkun inkunu effiċjenti.”
Huwa spjega li l-proċess t’approvazzjoni jinvolvi ħidma konġunta ma’ aktar awtoritajiet, fosthom dik tas-Saħħa, u qal li aktar kemm wieħed iżomm mal-gwidi maħruġa minn din l-Awtorità, aktar ikun possibbli li jsiru avvenimenti viċin in-normalità.
Baldacchino spjega li minkejja li avveniment ikun approvat, xorta hemm bżonn li wieħed isegwi gwidi ġodda li jistgħu joħorġu sal-ġurnata tal-avveniment.
Spjega, “Is-sitwazzjoni hija waħda ħajja, mhix xi ħaġa statika. Kellna l-varjant il-ġdid riċentament, smajnihom fuq barra. Ovvjament aħna naraw l-aspett lokali u nimxu fuq l-istruzzjonijiet u l-linji gwidi joħorġu min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa prattikament.”