Mal-ħames edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival tas-sena d-dieħla, li tnediet mill-Aġenzija Żgħażagħ, ser issir inizjattiva ġdida bl-isem Jumpstart Film Festival li jgħati l-opportunità lil tfal ta’ inqas minn sittax il-sena biex jipproduċu film żgħir u jikkompetu għal tliet awards.
Il-Malta Youth Film Festival huwa mmirat għal żgħażagħ li qed jaspiraw li jkunu produtturi tal-films. Din il-kompetizzjoni qed tistieden żgħażagħ biex jipproduċu films qosra ta’ mhux iktar minn għaxar minuti.
Ir-rebbieħ tal-aktar award prestiġjuż jingħata wkoll €500 u l-opportunità li jipparteċipa fin-Nordic Youth Film Festival 2022 li jsir fin-Norveġja.
Il-Fondattriċi tal-Malta Film Foundation għamlet l-appell tagħha biex tinkoraġixxi lil dawk li jiddubitaw fil-kwalità tax-xogħol tagħhom.
Joyce Grech saħqet, “Jiena personalment nixtieq li ż-żgħażagħ kemm jista’ jkun jikkunsidraw li l-films li jagħmlu, films qosra, jipparteċipaw f’dan il-festival. Dan huwa pjattaforma fuq livell nazzjonali fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiltaqaw flimkien, jaraw il-films, jiddiskutuhom, jitgħallmu wkoll kif il-films tagħhom jiġu interpretati mill-pubbliku. Ma jridx ikollok xejn ħlief anka mobile phone, camera sempliċi biex tipparteċipa.”
Preżenti f’din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli li spjegat kif il-kreattività taż-żgħażagħ tiġbor dak kollu li hu marbut miegħu dan il-film festival. “Il-ħames pilastru tagħha hija li noħolqu l-opportunitajiet neċessarji biex iż-żgħażagħ ikunu kreattivi u joħolqu affarijiet verament artistiċi u ta’ livell.”
Is-segretarju Parlamentari Clifton Grima tenna li l-irwol tal-Aġenzija Żgħażagħ hu li tiżgura li ż-żgħażagħ ikunu infurmati dwar din il-kompetizzjoni li toħloq diversi opportunitajiet barra minn xtutna. “L-aġenzija żgħażagħ hija waħda proattiva illi propju tgħati dak il-valur aġġunt liż-żgħażagħ tagħna permezz ta’ inizjattivi, permezz ta’ programmi bħal dak li ħabbarna llum li bis-saħħa tiegħu iż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-opportunità kemm fuq livell lokali u nazzjonali u fuq kollox anka fuq livell internazzjonali li joħorġu fil-beraħ il-ħiliet tagħhom u t-talenti tagħhom.”