Malta ser tkompli sservi fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għat-tlettax-il darba konsekuttiva wara elezzjoni li saret f’Londra matul l-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni.
Dan ifisser li pajjiżna igawdi l-fiduċja u r-rispett tal-komunità marittima internazzjonali, hekk kif Malta għandha wieħed mill-akbar reġistri tal-vapuri merkantili fid-dinja.
B’hekk pajjiżna ser ikun parti minn dan l-organu li jissorvelja l-operat kollu tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali bħala parti mill-erbgħin stat rappreżentant fi ħdan il-kunsill li jirrapreżentaw 176 pajjiż madwar id-dinja.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg mexxa din l-Assemblea li saret b’mod virtwali u tenna kif Malta ser tkompli tagħti s-sostenn tagħha u tiġbed l-attenzjoni dwar diversi suġġetti li jolqtu lill-industrija marittima.
Il-Ministru Borg ma naqasx milli jirringrazzja lill-uffiċjali kollha ta’ Transport Malta u lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li permezz tal-ħidma tagħhom wasslu għal dan is-suċċess.
Dan ir-riżultat jgħaqqad mal-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fil-qasam marittimu.