“Għal darba oħra qed jinkixef l-opportuniżmu politiku u l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni.”
Hekk stqarr l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield hekk kif ippubblika l-korrispondenza li rċieva mingħand iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, Joe Mizzi.
Dan hekk kif l-Oppożizzjoni qiegħda titlob li dwar ir-riforma fil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis issa jitlaqqa’ l-kumitat għall-petizzjonijiet tal-Parlament.
Dan wara li l-Oppożizzjoni ma ħaditx sehem fil-konsultazzjoni li saħansitra bdiet bil-pubblikazzjoni ta’ White Paper.
Il-Partit Laburista fi stqarrija nnota kif issa l-Oppożizzjoni trid tfixkel l-proċess parlamentari.
L-istqarrija kompliet tgħid kif għalkemm l-Oppożizzjoni kienet qalet li l-liġi ġiet ikkopjata minn fuq proposti tal-Kap tal-Oppożizzjoni issa ser jivvotaw kontriha.
“Kif turi l-ittra taċ-Chairman, din il-liġi għaddiet minn diversi proċessi ta’ konsultazzjoni u diskussjoni u għalhekk il-proċess parlamentari hu wieħed li għandu jissokta b’rispett lejn il-proċess demokratiku. Fl-istess spirtu x-xogħol tal-kumitat tal-petizzjonijiet jissokta skont il-proċeduri maqbula”, saħaq il-Partit Laburista fi stqarrija.