Kampanja ġdida ser toffrilek l-opportunità biex tieħu ħsieb pjanta għal sentejn biex imbagħad din titħawwel f’wieħed mill-imsaġar f’pajjiżna.
Dan bħala parti minn inizjattiva li qed jorganizza l-Ewro-Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba b’kollaborazzjoni ma’ Callus Garden Centre u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK.
Alex Agius Saliba spjega kif filwaqt li dawn il-pjanti ser ikunu qed jitgawdew mill-parteċipanti mingħajr ħlas wara sentejn dawn ser jibdew jitħawlu fil-Miżieb u fl-Aħrax tal-Mellieħa.
B’kollox 3,000 siġra tista’ tiġi addottata bħala parti minn din l-inizjattiva.
Huwa spjega kif il-pjan huwa li din il-kampanja tkun imġedda kull sena f’dan iż-żmien ta’ qabel il-festi tal-Milied.
Qal, “Ħa nkunu qegħdin nibdew mill-Miżieb u l-Aħrax, is-sena li ġejja ser ikollna żewġ postijiet oħrajn differenti sabiex nagħtu xi ħaġa lura lill-ambjent tagħna, nagħtu xi ħaġa lura lill-ambjent tagħna permezz tas-siġar, is-siġar li tant huma importanti fl-aħħar mill-aħħar sabiex ikollna bijodiversità b’saħħitha, bijodiversità sostenibbli.”
F’konferenza stampa kien spjegat kif wieħed jista’ jimla formola u jaddotta pjanta indiġena biex jieħu ħsiebha.
Il-pjanti ser ikunu jistgħu jinġabru minn postijiet f’ħames lokalitajiet differenti, Ħaż-Żebbuġ, Raħal Ġdid, il-Mellieħa, ż-Żurrieq, u r-Rabat Għawdex.
Lino Farrugia mill-FKNK ħeġġeġ lill-kaċċaturi u l-membri tal-Federazzjoni biex huma wkoll jieħdu sehem sabiex ikunu qed jikkontribwixxu għall-bijodiversità tal-ambjent Malti.
Jonathan Callus minn Callus Garden Centre stqarr kif huwa pjaċir tiegħu li qiegħed isostni din l-inizjattiva bix-xtieli sabiex ikompli jikber l-investiment fl-imsaġar sbieħ li għandna f’pajjiżna.