Il-Kamra tal-Kummerċ appellat biex ħadd ma jfixkel u jagħmel ħsara għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-pipeline tal-gass.
Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ fissret din il-ħsara bħala logħba perikoluża.
Dan qalitu fi sfond li Matthew Caruana Galizia kritika l-pjan li l-Unjoni Ewropea tiffinanzja l-proġett tal-pipeline tal-gass li dwaru Malta għandha pjanijiet li eventwalment jgħaddi minnu l-idroġenu, gass iżjed nadif mil-LNG li nużaw bħalissa.
Anki l-Partit Nazzjonalista ħareġ iwassal messaġġ kontra fuq it-tema tal-enerġija, bl-Oppożizzjoni tkompli tattakka l-proġett tal-powerstation tal-gass li jiġġenera l-elettriku b’enerġija ferm iżjed nadifa minn dik ta’ żmien GonziPN, il-heavy fuel oil.
Fuq il-midja Nazzjonalista wkoll twasslu messaġġi ta’ tfixkil.
Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li għall-ġid tal-pajjiż u l-komunità kummerċjali, ħadd ma għandu jfixkel fil-finanzjament tal-fondi Ewropej biex pajjiżna jagħmel il-qalba li jmiss lejn enerġija iżjed nadifa.
“Huwa importanti li sal-2028, pajjiżna jkollu pipeline tal-gass”, sostniet il-Kamra tal-Kummerċ, li semmiet l-istess data li semmiet il-Ħamis, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
Il-Kamra tal-Kummerċ qablet ukoll mal-viżjoni tal-Gvern, li l-pipeline tal-gass eventwalment jintuża biex iġib l-idroġenu mill-Ewropa.
Qalet li l-pjan tal-użu tal-pipeline għall-idroġenu jtejjeb il-vijabilità fit-tul tal-proġett tal-pipeline tal-gass.
Il-Ħamis, il-Ministru għall-Enerġija qalet li l-Gvern irid jimxi f’direzzjoni ta’ użu ta’ enerġija rinovabbli u iżjed nadifa apparti li tħabbar il-proġett tat-tieni interconnector.
Dr Dalli qalet li qed jissemmew ċifri inkorretti ta’ ħlas ta’ mitt miljun ewro lill-Electrogas f’każ li pajjiżna jeqleb għall-idroġenu.
Sostniet li l-pipeline tal-gass hu pjanat li jservina għal 35 sena.
Irrimarkat li l-impjanti tal-enerġija li għandu pajjiżna bħalissa jsevuna għal 18-il sena.
“Ir-realtà hi li jekk ma jkollniex dan il-pipeline rridu noħorġu iżjed flus kull sena. Jiena nippreferi ninvesti f’hydro-ready pipeline li lill-pajjiż jaqilgħu mill-infrastruttura eżistenti u li jmexxi lil dan il-pajjiż ’il bogħod mill-fossil fuels għaliex jekk mhux se jsir se nibqgħu marbutin sfortunatament mal-fossil fuels meta għandna impenn mal-Green Deal Ewropew, meta għandna impenn niddekarbonizzaw l-ekonomija tagħna u pajjiż żgħir li huwa maqlugħ mill-kumplament tal-Unjoni Ewropea (għaliex aħna gżira), għandu jkollu s-sorsi biex verament inkunu nistgħu nżidu enerġija alternattiva u enerġija nadifa.”