Il-fundatur ta’ Wikileaks Julian Assange se jkun estradit lejn l-Amerka, mir-Renju Unit.
Dan wara li inizjalment, il-Qorti Ingliża kienet iddeċidiet li Assange jinżamm fir-Renju Unit minħabba tħassib dwar is-saħħa mentali tiegħu.
Assange hu mfittex mill-Awtoritajiet Amerikani biex jaffaċċja diversi akkużi fosthom fuq il-publikazzjoni ta’ eluf ta’ dokumenti sigrieta marbuta mal-Istati Uniti, fl-2010 u fl-2011.
Għall-bidu, il-Qorti Ingliża kienet imħassba minħabba li kien maħsub li Assange jinżamm f’żona ristretta f’ħabs fl-Amerka iżda l-awtoritajiet Amerikani taw l-assigurazzjoni li sa kemm Assange ma jiksirx ċertu kundizzjonijiet huwa ma kienx se jinżamm iżolat f’ħabs sakemm jgħaddi bil-proċeduri fil-Qorti.
Assange kien għamel seba’ snin jingħata kenn politiku fl-Ambaxxata tal-Ekwador f’Londra iżda fl-2019 huwa kisirha mal-Gvern tal-Ekwador u ngħata f’idejn il-Pulizija Ingliża.