Raġel ta’ 40 sena minn Ħaż-Żabbar intbagħat tmien snin ħabs wara li ammetta li stupra diversi drabi lil bint is-sieħba tiegħu meta kellha 14-il sena, f’każijiet li jmorru lura bejn Ottubru tal-2015 u Awwissu tal-2017.
Hu kien akkużat bi stupru, attivitajiet sesswali ma’ minoerenni u kif ukoll li kkorrompa tifla li sippost kien qed jieħu ħsieb.
Il-Qorti semgħet kif kien rapport li wasal għand social worker fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ li ħareġ fil-beraħ dan il-każ fejn meta l-Pulizija kellmet lit-tifla fil-preżenza ta’ ommha, din qalet li s-sieħeb ta’ ommha, kellu x’jaqsam magħha diversi drabi, u mhux bil-permess tagħha.
Spjegat kif dan kien jiġri meta kienet tkun rieqda fil-kamra tagħha fejn kienet issibu ħdejha u kien jimponu ruħu fuqha.
L-akkużat ammetta meta omm it-tifla kkonfrontatu u anke mal-Pulizija fejn iddikjara li jiddispjaċih għal dak li għamel.
Wara li evalwat l-evidenza ppreżentata, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, imponiet piena ta’ tmien snin ħabs effettivi.