Permezz tal-proġett GiFluid, il-Kunsill Lokali tar-Rabat se jkun allokat miljun ewro biex jimplimenta proġetti fil-komunità biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma.
Dan il-proġett pilota se jservi bħala mudell fejn se jiġi żviluppat bir tal-ilma biex jiġi analizzat ir-riskju ta’ għargħar. Wara, isir eżami biex jiġu applikati soluzzjonijiet iktar ambjentali.
GiFluid qed isir b’ħidma konġunta bejn l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, il-Kunsill Lokali tar-Rabat flimkien mal-Università ta’ Katanja, il-Kunsill Reġjonali ta’ Sqallija u Aci Castello.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega kif se jaħdem dan il-proġett.
Qal, “Il-proġett se jkun ukoll qed jindirzza dan, permezz ta’ installazjonijiet fil-lokalitajiet tar-Rabat u Aci Castello ta’ infastruttura ħadra li tnaqqas l-għargħar, jittestja kif dawn l-infrastrutturi jaħdmu u r-riżultati tagħhom jidħlu f’mudell li ħa jurina l-interventi li hemm bżonn sabiex innaqsu l-ġenerazzjoni ta’ ilma tax-xita fit-toroq li fl-aħħar iwassal għall-għargħar.”
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet kif dan il-proġett se jara li jimplimenta infrastruttura ħadra u għalhekk se jinbena roof garden fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma.
Spjegat, “L-istess sfida li naffaċċjaw f’Malta, jaffaċċjawha wkoll fi Sqallija, għalhekk li dan il-proġett jista’ jservi ta’ proġett pilota biex permezz ta’ dak li joħroġ minn dan il-proġett li se jkun iffukat fuq ir-Rabat inkunu nistgħu naraw kif infrastruttura ħadra tista’ tgħin ukoll biex nimmitigaw l-għargħar.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus spjega kif il-problema tal-għargħar qed tħalli ħsarat kbar lil bosta djar.
Qal, “Qed ninnutaw li fl-aħħar żmien qed jiżdied in-numru ta’ ilma li jkun nieżel mill-maltempati u ħa naraw kif dan l-ilma niġbruh u nevitaw għargħar li jagħmel ħsarat fir-residenzi li qegħdin fl-akwati.”