L-Awstralja ngħaqdet id f’id mal-Istati Uniti fil-bojkott diplomatiku għall-Olimpjadi tax-Xitwa fiċ-Ċina li mistennija jsiru s-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru Scott Morrison qal li din id-deċiżjoni hija risposta għall-abbużi fuq id-drittijiet umani fil-provinċja ta’ Xinjiang u għal diversi kwistjonijiet oħra li l-Awstralja kemm -il darba għamlet aċċenn għalihom.
Minkejja dan, Morrison qal l-atleti xorta waħda mistennija jattendu.
Il-Prim Ministru Awstraljan qal li dan il-bojkott m’għandux jitqies bħala sorpriża meta wieħed jikkunsidra r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ddeterjorat matul is-snin.
Iċ-Ċina s’issa għadha siekta fuq dan il-bojkott iżda kkundannat b’qawwa kbira l-bojkott Amerikan u wissiet li ser tirritalja.