L-iskola medja tal-Ħandaq fi ħdan il-Kulleġġ ta’ San Injazju nediet żewġ proġetti li se jkomplu jgħinu lill-istudenti fl-edukazzjoni tagħhom.
L-ewwel proġett jismu ‘Il-Ħitan Jitkellmu’, fejn il-ħitan tal-kuriduri f’din l-iskola nbidlu f’temi edukattivi.
Fost dawn hemm ħajt li jfakkar il-leġġendi Maltin, ieħor bl-ortografija Maltija, il-proċess tal-kitba u anke ħajt li juri l-kitba ta’ xi wħud mill-poeti u kittieba Maltin, fosthom Oliver Friggieri u Dun Karm Psaila.
Il-Kap tal-Iskola Dr Maria Montebello semmiet is-sitt prinċipji li dawn il-proġetti huma msejsa fuqhom.
Qalet, “Illum f’din l-iskola, il-ħitan tagħha ħadu l-ħajja, Fil-fatt varajna proġett interessanti ħafna dak msejjaħ, il-ħitan jitkellmu, fejn propju qed nenfasizzaw mhux biss fuq binja imma fuq pedagoġija u metadoloġija. Imsejsa fuq prinċipji ewlenin, li t-tfal jirriċerkaw, jinvestigaw, ifittxu, jistaqsu, jaħsbu u jaħdmu flimkien.”
It-tieni proġett iġib l-isem ta’ Future Classrooms, fejn il-klassijiet f’din l-iskola ġew mgħammra bl-aktar mod teknoloġiku, ħaġa li se ttejjeb ukoll il-kwalita tal-edukazzjoni għat-tfal.
Għal dan, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn.
Spjegat, “Aħna nitkellmu fuq edukazzjoni għal kulħadd u dawn huma żewġ proġetti li se jgħinuna nilħqu dawn l-għanijiet. Meta qed nitkellmu fuq il-future classrooms iġifieri li nużaw it-teknoloġija diġitali biex noħorġu aktar il-ħiliet tal-istudenti tagħna u ngħinuhom aktar permezz tat-teknoloġija joħorġu l-potenzjal tagħhom.”
L-Għaqda tal-Malti fl-Università wkoll kellha parti importanti f’dan il-proġett, hekk kif qed tara li l-lingwa Maltija tiġi ppreservata u wżata miż-żgħażagħ.