Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa Ewropej spikkat il-ħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej jirċievu l-booster tal-vaċċin għall-Covid-19 sabiex l-Ewropa tegħleb fażi delikata tal-pandemija.
Tul il-laqgħa, l-istati membri esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-varjant Omicron.
Għal din il-laqgħa attenda d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li spjega kif f’Malta qegħdin isiru testijiet fuq il-kazijiet pożitivi kollha sabiex pajjiżna ikollu informazzjoni eżatta dwar il-varjanti fil-komunità.
Id-Deputat Prim Ministru irrijafferma l-importanza li l-pajjiżi jibqgħu jixtru l-vaċċini flimkien sabiex kulħadd ikollu aċċess dirett u fil-pront għall-vaċċin u fakkar li dan il-proċess konġunt se jwassal biex pajjiżna jirċievi l-kunsinji tal-vaċċin tat-tfal fl-istess żmien mal-pajjiżi Ewropej l-oħra fil-jiem li ġejjin.
Dan se jippermetti li sal-aħħar ta’ Jannar ikun offrut il-vaċċin lit-tfal kollha ta’ ’l fuq minn ħames snin.
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll li hu sodisfatt li Malta kienet fost il-pajjiżi li tat l-ikbar ammonti ta’ vaċċini ras għal ras bħala donazzjoni lill-pajjiżi oħra.
F’kummenti wara l-laqgħa fi Brussell, Chris Fearne aċċenna fuq it-teħid tal-booster.