Is-santwarji tal-annimali huma kollha mimlija u għalhekk l-appell minn bosta, partikolarment f’dan il-Milied, huwa biex tadotta u mhux tixtri kelb jew qattus.
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġiet imnedija l-ġurnata ‘Adopt a Pet’ li ser issir fis-sittax ta’ Jannar li ġej, ġie spjegat kif id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali biss, bħalissa għandu mitt kelb u mija u ħamsin qattus.
Fil-fatt id-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Patricia Azzopardi spjegat li meta wieħed jadotta, jagħti spazju lil annimali oħrajn, partikolarment dawk trattati ħażin fid-djar, sabiex isibu kura u kenn fi ħdan id-direttorat.
Qalet, “Meta inti qed tadotta l-ewwelnett il-persuna li tadotta l-kelb ħa tkun taf il-karattru tal-kelb u tkun tista’ tqabbel mal-lifestyle tiegħel. Barra minn hekk ser tkun qed tagħmel spazju għal kelb jew qattus ieħor li forsi jkun qed jiġu maltrattat jew abbużat, jew forsi qiegħed fit-triq. Iġifieri l-ispazju huwa li hu, limitat imma nagħmlu minn kollox biex niġbru kemm jista’ jkun klieb minn barra nieħdu klieb kemm jista’ jkun. Nappellaw lin-nies biex jadotta u mhux jixtru.”
Din l-attività biex taddotta annimal se ssir fil-Kwartieri Ġenerali tal-Brigata tas-Salesjani f’Għajn Tuffieħa.
Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo spjega kif f’din il-ġurnata, il-pubbliku jista’ jiltaqa’ ma’ bosta esperti li se jgħinuhom kif jadottaw u jieħdu ħsieb annimal fi djarhom.
Qal, “Naħseb li l-adizzjoni hija mezz effettiv biex inti tagħti kura lill-annimali tagħna, għalhekk iffissajna ġurnata f’Jannar biex il-familja u tfal jiġu fostna jitkellmu magħna u jaraw illi wara li jkunu ħadu d-deċiżjoni illi se jadottaw aħna nuruhom il-mod kif huma jistgħu jitrattaw l-annimali tagħna sewwa.”