F’Londra ġie diskuss ftehim ġdid li se jwassal għal sħubija diretta bejn il-Pulizija Maltija u dik Ingliża.
Ħabbar dan il-Ministeru għall-Intern fi stqarrija li nnutat laqgħat f’Londra bejn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Pulizija u l-Kriminalità tar-Renju Unit Kit Malthouse.
Dan qed isir b’rabta ma’ ftehim li ġie ffirmat f’Settembru li għadda fejn bħala parti mit-Trasformazzjoni Strateġija tal-Korp tal-Pulizija Malti, ser ikun hemm aktar koperazzjoni għal iżjed għarfien u taħriġ.
Il-ħidma prinċipali se tkun iffukata fuq is-setturi tal-pulizija fil-komunità, it-taħriġ professjonali u d-diġitalizzazzjoni fil-proċessi korporattivi.
Għaldaqstant, il-ftehim se jassigura l-koperazzjonali bejn il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Pulizija tar-Renju Unit u l-Korp tal-Pulizija Malti, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pulizija fil-Komunità bħala parti mit-Trasformazzjoni Strateġika, b’kollaborazzjoni akbar mill-erbgħa u tletin territorju li fih il-Pulizija Ingliża toffri s-servizz fil-qalba tal-komunitajiet u t-tisħiħ fil-qasam professjonali u ta’ taħriġ mill-Kulleġġ tal-Pulizija Ingliż lill-Korp tal-Pulizija Malti.
Il-ftehim jikkonsolida wkoll rabtiet twal bejn Malta u r-Renju Unit fis-setturi tal-infurzar tal-liġi u l-ħidma fil-ġlieda fuq livell internazzjonali kontra l-kriminalità organizzata bħal dik tat-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, u l-ħasil tal-flus.
B’rabta ma’ din il-laqgħa importanti, il-Ministru Byron Camilleri tkellem dwar kif il-Gvern Malti qed jagħti kull forma t’appoġġ lill-Korp tal-Pulizija.
Qal, “Il-Korp tal-Pulizija Malti ser ikompli jitgħallem u anke jieħu eżempji tajbin u anke jirċievi l-assistenza kollha possibbli minn dak tar-Renju Unit sabiex nibqgħu naħdmu favur bidla pożittiva fil-Korp tal-Pulizija. Dan sabiex ikollna Korp tal-Pulizija li jkun aktar professjonali, trasparenti u fl-aħħar mill-aħħar li jagħti servizz aħjar.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru Ingliż għall-Kriminalità u l-Pulizija Kit Malthouse spjega kif il-kriminalità ma għandhiex fruntieri u li l-ħidma ma’ msieħba fuq livell internazzjonali hi mportanti biex dejjem ikunu miġġielda bosta forom ta’ kriminalità.
Hu għalaq billi tkellem kif il-qbil se jwassal ukoll biex ir-Renju Unit jaqsam ma’ Maltin l-għarfien polizjesk, f’iżjed taħriġ professjonali lill-uffiċjali tal-pulizija Maltin, kif ukoll fl-implimentazzjoni u t-titjib kontinwu fis-servizz tal-pulizija tal-komunità.