Is-survey tal-Ħadd tal-MaltaToday kien survey ieħor diżappuntanti għal Partit Nazzjonalista.
Dan stajna ninnutawh f’ritratti esklussivi li waslu għand l-istazzjon, hekk kif attivisti Nazzjonalisti urew l-għadab tagħhom għal mod kif qed jimxi l-Partit Nazzjonalista.
Stajna ninnutaw kif in-Nazzjonalisti qed iżidu l-pressjoni fuq il-Kap Bernard Grech.
Partitarju appella lil Blue Heroes sabiex jagħmlu pjaċir lill-Partit Nazzjonalista u jwarrbu u jekk jista’ jkun lanqas jikkontestaw. Qalilhom biex jagħmlu l-wiesa’ għax għamlu ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista.
Partitarju wieġbu u qallu biex dan isir illum qabel għada, biex forsi tissewwa ftit mill-ħsara u l-firda li għamlu bil-gideb tagħhom.
U ieħor wieġeb billi rrefera għal Blue Heroes bħala ġakbini.
Dan intqal fl-isfond li l-Blue Heroes kienu wara Bernard Grech biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li qaċċtu lil Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista minħabba riżultati ħżiena fis-surveys.
Partitarju ieħor kiteb li jekk Bernard Grech mhux ħa jieħu pożizzjoni kontra l-Blue Heroes, se jiġrilu bħall-eks Kap Adrian Delia. Appella sabiex il-Partit Nazzjonalista jeħles mill-Blue Heroes, li huma ta’ mażra u l-għaqdiet esterni sabiex jieqfu jiddettaw l-aġenda tal-partit.
Intqal kif it-tesserati, il-partitarji u l-poplu Malti ilu jisħaq fuq dan.
Ieħor qal li l-Blue Heroes ġabu lill-Partit Nazzjonalista mhux kapaċi jagħmel dimostrazzjoni u l-NGOs qed imorru tajjeb u jdawwru lira. Dan b’refereza għall-għaqda Repubblika.
Oħra qalet li survey wara survey qed juri riżultati diżastrużi u n-nies fit-tmexxija qed jibqgħu jwebbsu rashom. Qalet li kieku hija l-Kap kienet titlaq ’l hemm. Sostniet li billi l-partit qed jitkarrab għal flus, fejn hu se jibqa’.
F’messaġġ ieħor, partitarju appella sabiex dawk li jħobbu l-Partit għandhom jivvuttaw lill-kandidati ġodda jew dawk li ħadmu favur il-partit.