Din is-sena, xejn inqas minn 300 persuna daħlet l-isptar wara li sofriet ġrieħi serji minħabba inċident tat-traffiku. Dan qalu l-ispettur Pisani waqt il-programm Ieqaf Għoxrin Minuta li jixxandar fuq One.
Kien qed jispjega li apparti l-imwiet li nisimgħu bihom, ikun hemm ħafna aktar persuni li jsofru ġrieħi li jaf ibiddlulhom ħajjithom.
L-ispettur spjega li l-iżgħar vittma ta’ inċident tat-traffiku din is-sena kellha 17-il sena. Kien f’Lulju meta Tara Licari, minn Ħal Balzan imma tgħix barra minn Malta, mietet f’inċident tat-traffiku. Il-karozza kienet misjuqa minn ħuha, ta’ 23 sena residenti Ħal Balzan li tilef il-kontroll tal-karozza u kellu impatt l-ewwel x’aktarx ma’ ħajt u wara ma’ karozza oħra. Apparti oħtu, kien hemm passiġġier ieħor fil-karozza, żagħżugħ Daniż ta’ 18-il sena wkoll residenti Ħal Balzan. L-inċident kien seħħ fi Triq Mikiel Anton Vassallo fil-limiti tal-Kappara, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu.
L-ikbar vittna, anzjan ta’ 97 sena, inzerta kien fit-triq. L-anzjan Rabti miet l-Isptar Mater Dei f’Mejju li għadda, wara li ntlaqat minn Toyota Townace misjuqa minn raġel ta’ 48 sena.
Fuq One l-ispettur spjega li meta bniedem imqar iħares lejn il-mobile waqt li jsuq, ikun tilef il-kontroll tas-sewqan għal tliet sekondi.
Tkellem ukoll dwar l-importanza li wieħed iżomm bogħod mix-xorb eċċessiv, u dan mhux biss minħabba s-sewqan.
Huwa illegali li tkun xurban f’post pubbliku, u mhux minnu li l-Pulizija tista’ tieħu passi biss jekk isir it-test tal-breathalyser.
Jekk il-Pulizija tosserva ċertu mġieba ta’ persuna li tista’ tkun taħt l-influwenza ta’ xorb eċċessiv, tista ttella lil dik il-persuna l-Qorti. Dan jgħodd anke f’każ li persuna tirrifjuta l-breathalyser.
Qal ukoll li fl-2015, instab li 188 persuna kienu taħt l-influwenza ta’ xorb eċċessiv waqt is-sewqan. Din is-sena l-ammont żdied għal 250 persuna. Mitlub jispjega f’aktar dettall, spjega li qed isiru aktar testijiet u għalhekk jinstabu aktar każijiet ta’ kontravenzjoni.
Spjega wkoll il-pieni: €1,200 meta persuna tinqabad issuq taħt l-influwenza tax-xorb, u/jew sentenza massima ta’ tliet xhur ħabs u sitt xhur liċenzja sospiża. Jekk ma tkunx l-ewwel darba, persuna tista’ teħel multa ta’ €2,300, tingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs u jkollha liċenzja sospiża għal mhux inqas minn sena.