Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mhux jafda lill-Grupp Parlamentari tiegħu stess.
Irrapurtat dan il-gazzetta Kullħadd, il-Ħadd filgħodu hekk kif spjegat li fil-manuvra ta’ nhar it-Tnejn li għadda fejn tressqet mozzjoni kontra l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Bernard Grech għamel mezz li jkunu tassew ftit dawk madwaru li jkunu jafu bl-informazzjoni minn qabel.
Dan fid-dawl tal-leaks li qed ikun hemm fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista stess hekk kif Grech beża’ li din il-mossa tiegħu tinkixef fil-midja qabel fil-fatt jagħmilha fl-ogħla istituzzjoni.
Fil-fatt, il-Kullħadd żvelat li kienu biss ftit mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, dawk magħrufin bħala l-“Blue Heroes”, li kienu jafu eżatt b’dak li kien se jagħmel Grech, b’deputati oħrajn jiġu infurmati biss li kellhom ikunu fil-Parlament fl-4:00 ta’ filgħaxija u xejn iktar.
Il-Kullħadd tgħid ukoll li kien hemm min mill-Grupp Parlamentari urtat ukoll għall-fatt li tekniċi li ħadu ħsieb il-paġna ta’ Facebook ta’ Bernard Grech wkoll kienu jafu b’din il-mozzjoni, minkejja li huma kienu fl-għama.
Dan hekk kif min kien qed jieħu ħsieb ix-xandira fuq il-Facebook tal-Kap tal-Oppożizzjoni beda ftit kmieni meta kienu għaddejjin il-Mistoqsijiet Parlamentari bejn l-4:00 u l-4:30 u tella’ x-xandira bit-titlu “Qed inressaq mozzjoni skont l-Ordni Permanenti 13 biex il-Kamra tiddiskuti l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.”
Fost il-kummenti negattivi fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fil-konfront tal-Kap kien hemm min qal li li ma tantx kellu għal xiex iżomm sigrieti, għax kien ovvju x’se jiġri anke minn dak li d-Deputat Karol Aquilina kiteb fil-gazzetti u kien hemm min qal li din kienet sintomatika ta’ kif imexxu l-Grupp tal-“Blue Heroes”
Sors fi ħdan id-Dar Ċentrali saħansitra ġie kwotat mil-gazzetta Kullħadd jgħid, “Ladarba kellu l-barka tagħhom (Grech) seta’ jibqa’ għaddej mingħajr inkwiet.”
Dan l-inkwiet intern fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista jmur id f’id ma’ dak li kien hemm ftit tal-jiem ilu dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.